Ambjent Lokali

Għaddiet ix-Xitwa, u Ta’ Qali baqa’ bla ħaxix

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Dħalna fl-istaġun tar-Rebbiegħa u l-picnic area f’Ta’ Qali għadha qisha prattikament deżert hekk kif fil-maġġoranza taz-zona il-ħaxix baqa’ ma telax .

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Dan wara li f’Novembru li għadda l-uffiċjal Laburista Jason Micallef kien wiegħed li f’Diċembru, din iz-zona se tkun mimlija ħaxix; tant li wiegħed li kien saħansitra se jagħmel festin.

Iżda issa x-Xitwa għaddiet u xita għamlet f’ammonti rekord – u l-park nazzjonali baqa’ bla ħaxix.

Infatti, matul dawn l-aħħar xhur bosta kkritikaw il-fatt li dan iż-żrar u r-ramel li tpoġġa f’din iz-zona ġie jiswa’ lill-poplu Malti u Għawdxi mat-€300,000 – flus li ntefqu mit-taxxi tal-poplu u li ma ħallew assolutament l-ebda frott.

Kif jixhdu r-ritratti meħuda minn Net News it-Tnejn filgħodu, il-ħaxix ma telax. Iżda matul dawn l-aħħar xhur l-uffiċjal Laburista Jason Micallef kien qed joqmos ma kull kritika, u kien attakka l-ħidma li saret mill-ġurnalisti.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Ta’ min wieħed ifakkar kif anke l-Ministru Chris Bonett appoġġja lil Jason Micallef u tenna li jekk il-proġett f’Ta’ Qali ma jirnexxix, ma tkunx waqgħet id-dinja – u jsir xi ħaġa oħra.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-poplu Malti u Għawdxi, jibqa’ jistenna u jittama li xi darba tittieħed azzjoni. U li dan is-sit jerġa’ jirritorna fl-istat oriġinali tiegħu, miżgħud bil-ħaxix u jkun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-familji u t-tfal bħala picnic area.