Malta se tkun tista’ tibbenifika mill-flus tal-UE sabiex jingħataw kumpensi għall-ħsarat li saret mill-maltempata Harry.
Fil-fatt, jidher li saret applikazzjoni formali għall-assistenza finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-ħsarat kbar li l-pajjiż ġarrab b’riżultat tal-maltempata Harry, li laqtet lil pajjiżna tliet xhur ilu u ħalliet ħerba f’diversi partijiet tal-pajjiż – speċjalment tul il-kosta.
Il-Fond ta’ Solidarjetà jibqa’ l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea biex jappoġġja lill-istati membri wara diżastri naturali, billi jipprovdi għajnuna finanzjarja għal azzjonijiet essenzjali ta’ rkupru.
Skont l-istimi li saru lokalment, il-ħsarat wara din il-maltempata qawwija laħħqu mal-€128 miljun – ammont li jaqbeż ol-minimu ta’ €121 miljun meħtieġ biex pajjiż Ewropew jikkwalifika għall-għajnuna tal-UE.
Issa hu mistenni li l-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-applikazzjoni biex tiddetermina jekk hix konformi mar-regoli Ewropej, u x’livell t’appoġġ finanzjarju jista’ jingħata lil pajjiżna.
Dan kollu juri kemm Malta f’mumenti bħal dawn tgawdi direttament mill-appoġġ tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

