Lokali

“Il-Gvern Laburista jerġa’ juri kemm l-edukaturi u l-edukazzjoni mhumiex prijorità għalih” – PN

L-MUT kostretta toħroġ serje ta’ direttivi fil-Junior College

Għal darba oħra l-Gvern qed juri kemm l-edukaturi u l-edukazzjoni huma fil-qiegħ nett tal-lista ta’ prijoritajiet tiegħu.

Hekk sostnew Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u Ryan Callus ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ fi stqarrija fejn spjegaw li l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda rieda serja li jinnegozja biex jasal li jagħlaq il-ftehim kollettiv tal-Junior College. Dan jidher ċar hekk kif il-Malta Union of Teachers (MUT), li qiegħda tinnegozja f’isem il-letturi, ma kien baqgħalha l-ebda għażla ħlief li toħroġ serje ta’ direttivi biex forsi l-Gvern jiftakar fihom u jibda jinnegozja bis-serjetà.

Il-ftehim kollettiv tal-Junior College issa ilu li skada minn Diċembru tal-2023, u l-Gvern ilu aktar minn sentejn ikaxkar saqajh biex jagħti lill-edukaturi t-titjib fil-kundizzjonijiet u s-salarji fi ħdan din l-istituzzjoni tant importanti fil-qasam akkademiku lokali.

Bħalma ġara fl-Università u wkoll fl-MCAST, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni konkreta min-naħa tal-Gvern, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-IRU (Industrial Relations Unit), il-Gvern qiegħed jippreġudika l-progress fil-Junior College, bir-riskju li l-istudenti jiġu effettwati minn serje ta’ direttivi fosthom dawk li ma jingħatawx il-marki tal-assignments jekk kemm-il darba jidħlu fis-seħħ id-direttivi minn nhar l-Erbgħa 15 ta’ April.

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-apatija u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern li wasslet biex il-letturi u l-istudenti fil-Junior College jispiċċaw jiżżeffnu fin-nofs f’logħba politika li issa qed tkun ripetuta kull darba li jkun qed jiġi negozjat ftehim kollettiv ġdid.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-MUT, lil-letturi u lill-istudenti f’dan il-mument ta’ sfida.