Lokali

“Il-ħaddiema Maltin b’livell ta’ ansjetà fuq il-post tax-xogħol ogħla mill-medja Ewropea” – PN

Ritratt: Arkivji (Martin Agius)
Stħarriġ internazzjonali fost 160 pajjiż juri li l-ħaddiema f’Malta huma t-tieni l-aktar minn fost il-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa li jbatu minn stress fuq il-post tax-xogħol

Stħarriġ li għadu kif ġie ppubblikat mill-kumpanija multinazzjonali tal-konsulenza Gallup juri kif aktar minn nofs il-ħaddiema f’Malta jbatu minn livell għoli ta’ stress fuq il-post tax-xogħol, b’detriment kemm għas-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll għall-produttività.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija nnota kif fir-rapport “State of the Global Workplace” għall-2026, din il-kumpanija magħrufa għall-istħarriġ tal-opinjoni pubblika analizzat is-sitwazzjoni f’160 pajjiż differenti minn madwar id-dinja, u f’diversi indikaturi Malta tikklassifika agħar minn ħafna pajjiżi oħra, inkluż dawk Ewropej.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ansjetà (stress) ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol, pereżempju, l-istħarriġ juri li l-ħaddiema fl-Ewropa huma fost l-inqas stressjati meta mqabbel mal-kumplament tad-dinja bil-medja Ewropea tkun fil-livell ta’ 39% waqt li dik globali tkun 40%. Madankollu, pajjiżna jirreġistra fost l-ogħla livelli ta’ ansjetà fost il-ħaddiema, b’57% jgħidu li esperjenzaw ansjetà.

Mhux talli hekk, imma talli Malta tirreġistra t-tieni l-ogħla rata minn fost il-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa li r-rapport juri li huma l-aktar ħaddiema li jesperjenzaw stress, bil-Greċja fil-quċċata b’61% segwita minn Malta b’57%.

Għalkemm il-ħaddiema fin-naħa t’isfel tal-Ewropa jsofru minn livell għoli ta’ ansjetà, Malta hija kklassifikata agħar anke mill-ġirien tagħha b’Ċipru jirreġistra perċentwal ta’ 56%, l-Italja 51%, Spanja 47%, id-Danimarka 19%, il-Polonja 22% u l-Litwanja 23%.

Anke fil-livell ta’ rabja fost il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, bi 22% Malta tmur agħar mill-medja tal-Ewropa li hija fil-livell ta’ 15%. Bl-istess mod, ir-rapport jevalwa wkoll il-livell ta’ nuqqas ta’ kuntentizza tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol u anke hawn Malta tirreġistra livell ta’ 18% meta mqabbel mas-17% fl-Ewropa li qalu li jesperjenzaw nuqqas ta’ kuntentizza fil-post fejn jaħdmu.

Indikaturi oħra li jevalwa dan l-istudju jinkludu l-livell ta’ solitudni fost il-ħaddiema u anke hawn, il-ħaddiema Maltin li jgħidu li jesperjenzaw solituduni huma ogħla mill-medja reġjonali Ewropea.