Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tiċħad appell ta’ tabib akkużat bi qtil involontarju u tikkonferma li l-ilmenti huma prematuri

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ippreżentat minn Dr. Paul Scarrow, tabib li jinsab mixli b’reat ta’ omiċidju involontarju allegatament minħabba negliġenza medika. Huwa kien sostna li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu għal smigħ ġust taħt l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 13, waqt proċeduri kriminali li għadhom għaddejjin quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Dr. Scarrow argumenta li ma kienx ta l-kunsens validu tiegħu biex il-każ tiegħu jinstema’ b’mod sommarju, u allega li r-risposta li tniżżlet fil-proċess kienet imdaħħla mill-avukat tiegħu mingħajr konsultazzjoni xierqa miegħu.

Huwa sostna wkoll li kien hemm ksur fir-relazzjoni avukat-klijent, li l-esperti mediċi maħtura waqt l-inkjesta in genere ma aġixxewx b’mod imparzjali, u li l-proċeduri kienu żbilanċjati kontrih. Barra minn hekk, huwa sostna li l-każ kellu jinstema’ minn qorti superjuri u li Maġistrat ma jistax jirrevedi x-xogħol ta’ Maġistrat ieħor.

Huwa kkontesta wkoll id-deċiżjoni li ma jsirx riferiment kostituzzjonali u talab kumpens għal allegat ksur tad-drittijiet tiegħu. Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet diġà ċaħdet it-talbiet tiegħu kollha.

Il-Qorti rrimarkat li l-ilmenti ewlenin kienu diġà ġew iddikjarati frivoli, vessatorji u prematuri mill-Qorti tal-Maġistrati fil-kapaċità tagħha bħala Qorti Kriminali f’Ġunju 2023. Il-Qorti enfasizzat li l-kwistjonijiet imqajma jew huma ta’ natura proċedurali li jistgħu jiġu indirizzati fil-proċess kriminali nnifsu, jew inkella jistgħu jiġu riveduti fl-appell jekk ikun hemm kundanna.

Għaldaqstant, ma kienx hemm lok għal intervent kostituzzjonali waqt proċeduri kriminali li għadhom pendenti, peress li għad hemm rimedji disponibbli fil-qafas normali tal-ġustizzja kriminali. Il-Qorti żiedet li l-appellant kien qed jipprova jerġa’ jqajjem, permezz ta’ proċeduri kostituzzjonali, l-istess kwistjonijiet li kienu diġà ġew miċħuda qabel, li mhux permess taħt il-proċedura kostituzzjonali Maltija.

Hija rrimarkat ukoll li l-ġustizzja ta’ proċeduri trid tiġi evalwata bħala ħaġa sħiħa u li ma jistax jintlaħaq konklużjoni definittiva waqt li l-każ kriminali għadu għaddej. Fir-rigward tat-tieni aggravju tal-appell, il-Qorti sabet li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma kinux il-konvenuti korretti fir-rigward ta’ ilmenti dwar l-aġir tal-Qorti tal-Maġistrati, u li tali azzjonijiet kellhom jitressqu kontra l-Avukat tal-Istat.

Għaldaqstant, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell kollu, ikkonfermat is-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u ordnat lil Dr. Scarrow iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri. Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Anthony Ellul u Robert G. Mangion.