Lokali

Jilmentaw li l-chemotherapy hu out-of-stock

Jgħidulna direttament lill-Ministru tas-Saħħa

Pazjenti li għaddejjin bil-kura tagħhom għall-kanċer qed isostnu li t-trattament permezz tal-chemotherapy waqaf ħesrem għaliex din tinsab out of stock.

Huma għamlu dan f’kitbiet fil-paġna facebook tal-Ministru tas-Saħħa, Jo Etienne Abela eżattament taħt kitba tiegħu li fiha qal li kienet għalqet is-sejħa għat-tender tad-drones li se jwasslu l-mediċini tal-kanċer f’Għawdex.

Immedjata kienet it-tweġiba ta’ persuni li għaddejjin bil-kura tagħhom. Persuna li identifikat ruħha bl-isem u r-ritratt tagħħa kitbet hekk lill-Ministru Abela: “Bil-chemo out of stock, id-drones bla użu! Diġà ttardja b’ġimgħa t-treatment u għadna nistennew. Aħjar taraw dawn l-affarijiet l-ewwel!”

Pazjenta oħra li identifikat ruħha wkoll kitbet hekk: “Great… but we need to have the chemo therapy first – please take this into consideration – patients waiting for their chemotherapy even a day late is terrifying let alone already a week-late!”

Dawn ma kinux l-uniċi lmenti li fl-aħħar jiem twasslu lill-Ministru Abela dwar diversi aspetti tal-qasam tas-saħħa. Fost dawk li lmentaw kien hemm l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti li semma kemm qed idumu pazjenti biex jarahom speċjalista u biex ikunu operati, kif ukoll biex pazjenti jsirilhom test anki meta jkollhom bżonn trattament urġenti.

Grixti qal ukoll li hemm żewġ ‘sferi’ differenti: dawk reali (tal-pazjent li m’għandu lil ħadd jidderiġih) u dawk ta’ illużjoni… medjatiċi… kollox perċezzjoni…

Hu temm il-kitba tiegħu hekk: “Din mhix kwistjoni ta’ kulur politiku… kwistjoni leġittima li pazjent għandu jkompli jieħu l-aqwa u l-aħjar kura b’xejn.”

Silvio Grixti malajr sab alleat jikkonfermalu għaliex l-influencer Laburista Neville Mario Gafà wieġbu hekk: “Daqt jgħidulek li perċezzjoni jew qed tivvinta!”

Kien hemm diversi lmenti oħrajn indirizzati direttament lill-Ministru Abela, fosthom ta’ persuna oħra, bl-isem u r-ritratt li, waqt li iddeskriva lilu nnifsu bħala “Laburist kbir”, semma li t-tifla tiegħu ta’ sitt snin, u li għandha problemi fis-snien, “tefgħuha fuq sena waiting list.”

Hu temm il-kitba tiegħu hekk: “… fuq din il-kummiedja lanqas biss niġbru l-vot aħseb u ara kemm nivvota!”