Il-Qorti Kostituzzjonali ikkonfermat ordni ta’ tkeċċija u li ma kien hemm l-ebda ksur tad-drittijiet fudamentali ta’ Eġizzjan fis-sentenza li huwa ngħata. Il-każ jikkonċerna l-appell ta’ Khalil Rezk Gadalla Khalil kontra diversi awtoritajiet tal-Istat fir-rigward ta’ ordni ta’ ritorn u tkeċċija minn Malta.
Huwa allega ksur tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll protezzjoni minn trattament inuman u degradanti taħt l-Artikolu 8 u 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni Maltija.
Il-każ oriġina wara li l-permess ta’ residenza skada u ma ġiex imġedded, segwit minn deċiżjonijiet konsekuttivi tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u tal-korpi ta’ appell li kkonfermaw l-ordni ta’ tneħħija. Huwa pprova jikkontesta dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ proċeduri kostituzzjonali, billi sostna li t-tneħħija tiegħu kienet tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ Malta u r-riskji allegati fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.
Il-Qorti Kostituzzjonali, madankollu, ikkonkludiet li ma ntwera ebda ksur tad-drittijiet fundamentali invokati. Ġie stabbilit li r-rikorrent ma weriex rabtiet familjari jew privati suffiċjentement b’saħħithom f’Malta li jistgħu jegħlbu l-interess leġittimu tal-Istat fil-kontroll tal-immigrazzjoni, u lanqas ma ġiet ippruvata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti kkonfermat id-deċiżjonijiet preċedenti u ċaħdet l-appell kollu.
Khalil Rezk Gadalla Khalil, persuna ta’ nazzjonalità Eġizzjana u ġie Malta l-ewwel darba fl-1998. Qal li minn dakinhar huwa baqa’ jgħix Malta u mar l-Eġittu biss darbtejn, darba fl-2016 u darba oħra fl-2017. Provi ċari ta’ kemm-il darba ħareġ minn Malta u ġie lura, m’hemmx.
Madankollu, minn provi oħra li hemm fl-atti jirriżulta li kien jivvjaġġa ta’ sikwit bejn Malta u l-Eġittu.
Fl-istess ħin huwa xehed li kien iżżewweġ fis-sena 2000 ġewwa l-Eġittu u għandu tliet itfal. Meta xehed fl-2024 qal li uliedu għandhom 24 sena, 18-il sena u 14-il sena jiġifieri huma twieldu għall-ħabta tas-snin 2000, 2006 u 2010 rispettivament.
Żied li martu u wliedu lkoll jgħixu l-Eġittu u qatt ma ġew Malta. Sadattant jirriżulta li bejn it-28 ta’ Marzu 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010 l-attur ingħata diversi permessi biex jaħdem f’Malta. Provi dokumentarji dwar snin ta’ qabel m’hemmx.
Fiċ-ċirkostanzi u f’kull każ il-Qorti qalet li hi tal-fehma li l-awtoritajiet aġixxew fil-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u ma naqsux milli jilħqu bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-attur, fuq naħa, u l-interessi tal-Istat li jiżgura kontroll effettiv tal-immigrazzjoni, min-naħa l-oħra. Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Anthony Ellul u Robert G. Mangion.
//= $special ?>

