Lokali

“L-anzjani għandhom jgħixu b’dinjità” – Alex Borg b’żjara f’Hilltop Gardens u s-Simblija

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“L-anzjani għandhom jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u li jgħixuha b’dinjità.”

Dan huwa l-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel f’Hilltop Gardens u s-Simblija fin-Naxxar – djar tal-anzjani li jimxu bil-filosofija li jinċentivaw lir-residenti kollha biex jibqgħu attivi u biex jissoċjalizzaw.

Fil-bidu ta’ din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ġie milqugħ mit-tmexxija ta’ dawn ir-residenzi, kif ukoll minn uħud mill-anzjani li huma residenti hemmhekk.

Alex Borg żar diversi faċilitajiet fosthom il-kappella u l-kamra fejn jinġabru għall-ikel, kif ukoll jissoċjalizza mal-kumplament tar-residenti. Dan apparti li ltaqa’ ma’ numru ta’ anzjani – b’uħud minnhom anke rrakkuntawlu stejjer mill-passat tagħhom.

F’kummenti ma’ Net News Alex Borg saħaq fuq l-importanza li l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u li jgħixuha b’dinjità – għaliex l-anzjani jixirqilhom l-aħjar kura.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

It-tmexxija ta’ din id-Dar tal-Anzjani spjegat li r-residenti għandhom numru ta’ faċilitajiet li jistgħu jagħmlu użu minnhom fosthom spa, gym kif ukoll pixxina kemm fuq barra kif ukoll ġewwa.

Dan apparti l-fatt li din id-Dar tal-Anzjani toffri kemm independent living kif ukoll dependent living sabiex l-anzjani jgħixu kif ikunu komdi huma.

Tkellimna mad-Direttur ta’ AX Hotels u AX Care Claire Xuereb li saħqet fuq l-importanza li l-anzjani jżommu attivi u li jkunu kuntenti bil-ħajja li qedgħin jgħixu.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Paula Mifsud Bonnici u Ian Vassallo.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo