Knisja Lokali

L-Arċisqof itenni appoġġ lejn il-Papa wara l-attakk inġustifikabbli mill-President tal-Istati Uniti

L-Arċisqof Charles Scicluna, bħal ħafna Kattoliċi madwar id-dinja, jinsab imħasseb ferm bl-attakk bla rażan u mhux ġustifikat fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa mill-President tal-Istati Uniti.
Il-Papa Ljun XIV reġa’ afferma l-pożizzjoni konsistenti tal-Knisja tul iż-żminijiet meta qal: “Il-gwerra tifred; it-tama tgħaqqad. L-arroganza tgħaffeġ lil ħaddieħor; l-imħabba terfa’. L-idolatrija tgħamina; Alla ħaj idawwalna.”
Il-Q.T. il-Papa qal il-verità sħiħa meta insista li l-Knisja dejjem se tippromwovi l-paċi, “anki meta r-rifjut tal-loġika tal-gwerra jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ftehim u għad-disprezz”.
Il-Papa tkellem b’sens qawwi ta’ umanità meta appella lill-mexxejja dinjin biex “jisimgħu l-ilħna tat-tfal” li ħajjithom inbidlet b’mod irrevokabbli minħabba l-orrur u l-inumanità ta’ azzjonijiet li “xi adulti ftaħru bihom bi kburija”.
F’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, huwa ta’ importanza kbira li dawn il-prinċipji fundamentali jiġu promossi u difiżi, mhux imxekkla jew imnaqqsa fil-valur tagħhom.
L-Arċisqof wassal it-tħassib tiegħu dwar din il-kwistjoni lill-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta u assiguraha li l-Knisja f’Malta tinsab f’rabta ta’ mħabba, fedeltà u sostenn mal-Qdusija Tiegħu l-Papa.