Knisja Lokali

L-Isqof ta’ Għawdex jikkondividi t-tħassib tal-Arċisqof

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma jikkondividi t-tħassib tal-Arċisqof u l-Knisja f’pajjiżna, ikkomunikat aktar kmieni llum, dwar il-kummenti li saru mill-President tal-Istati Uniti dwar dak li qal il-Papa Ljun XIV fuq il-prijorità tal-paċi fuq kull tentattiv ta’ gwerra.

Ma nixbgħux intennu kliem il-Papa fil-Velja ta’ nhar is-Sibt filgħaxija: “Daqshekk idolatrija tagħna nfusna u tal-flus! Daqshekk esebizzjoni ta’ forza! Biżżejjed gwerra! Il-vera qawwa tidher f’min hu qaddej tal-ħajja. San Ġwanni XXIII, b’sempliċità evanġelika, kiteb: ‘Mill-paċi kulħadd vantaġġi jikseb: individwi, familji, popli, il-familja umana kollha’. U huwa u jirrepeti l-kelmiet diretti ta’ Piju XII, żied jgħid: ‘Xejn ma hu mitluf bil-paċi. Kollox jista’ jinitlef bil-gwerra’ (Ittra enċiklika Pacem in terris, 62)”.

Inkomplu nitolbu għall-Papa – bħalissa fi żjara fil-kontinent Afrikan – f’kull sforz tiegħu b’risq il-paċi fid-dinja tagħna, li jirrifletti l-missjoni tal-Vanġelu li l-Knisja fid-dmir li twettaq.