Internazzjonali

‘Mument tassew storiku għall-Ungerija’ … …. bir-rebħa ta’ Peter Magyar tikkonferma politika ġdida favur l-Ewropa

Eluf kbar ta’ votanti żgħażagħ kienu strumentali fir-rebħa elettorali kbira u storika tal-Partit Tisza fuq il-Partit Fidesz immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban li, fl-aħħar snin, mexxa pajjiżu dejjem eqreb l-orbita tar-Russja.

B’hekk ukoll, il-poplu kkundanna sistema politika simili għal awtokrazija elettorali u wara li żdiedet il-mewġa tal-Ungeriżi, minn kull rokna tal-pajjiż, li esprimew ħerqa biex jaqilbu l-arloġġ lura għal żmien meta l-Ungerija kienet tirrispetta bis-sħiħ id-demokrazija.

U fis-sigħat wara r-rebħa ta’ Tisza…rebħa li tiggarantilu maġġoranza ta’ żewġ-terzi fil-Parlament ta’ Budapest, Peter Magyar, il-Prim Ministru ġdid elett, sostna li l-votazzjoni anki riflettiet messaġġ kbir favur l-Unjoni Ewropea wara snin ta’ ostilità lejn l-Ewropa min-naħa ta’ Orban.

“Għamilnija,” qal Magyar fl-ewwel kummenti wara r-rebħa – u li tenna wkoll li ‘flimkien, l-Ungeriżi rnexxielhom iqaċċtu r-reġim ta’ Orban’. 

Il-Gvern ġdid tal-Ungerija issa għandu ħafna impenji quddiemu biex ifassal sistema politika aktar ġusta u riformi għall-istituzzjonijiet li huma kollha mimlija ‘bil-membri tal-hekk-isejħa klikka ta’ Orban’.

U filwaqt li l-Ungeriżi qed jiċċelebraw żerniq ġdid għal pajjiżhom, Magyar qal li l-Gvern ġdid jeħtieġ jistinka qatigħ biex juru li hu dehen tal-fiduċja li investa fih il-poplu.

Peter Magyar anki wissa lill-eks-Prim Ministru biex ma jieħu l-ebda azzjoni li kapaċi tfixkel il-Gvern ġdid matul il-jiem li ġejjin u sad-data meta hu jispiċċa uffiċjalment mill-kariga. Magyar anki kellu kliem dispreġjattiv għall-uffiċjali fiċ-ċirku ta’ Orban li, tul is-snin, kienu qed inaqqru kontinwament mill-istituzzjoinjiet demokratiċi tal-Ungerija…Istituzzjonijiet li fi kliemu stess iridu jgħaddu minn bidla sostanzjali fost l-impenji lejn il-kontabbiltà tal-Ministri f’Budapest.

‘L-Ungerija mhix se tibqa’ pajjiż mingħajr konsegwenzi’, tenna Magyar li, fl-istess ħin, sostna li, taħt Gvern immexxi minnu, ‘dawk kollha li serqu mill-pajjiż iridu jagħmlu l-kontijiet mal-liġi’.

L-għadd tal-voti konkluż wera lil Magyar b’vantaġġ ta’ 55 fil-mija tal-appoġġ popolari u li jissarraf f’132 siġġu.

Intant, il-Partit Fidesz fil-Gvern sofra l-akbar disfatta possibbli fiċ-ċirkustanzi, fost indikazzjonijiet li kiseb biss bejn 37 u 38 fil-mija tal-appoġġ popolari għal 55 siġġu fl-Assemblea. Intant, il-Partit għal Art Twelidna, li hu entità żgħira estremista tal-lemin, irnexxielha ttella’ sitt deputati.

Lejn bidla fil-politika barranija

Għaldaqstant, mistenni li l-Ungerija tibdel il-politika barranija tagħha bħala tragward ewlieni ta’ Magyar li jrid relazzjonijiet ferm aħjar mal-kumplament tal-Ewropa.

Din l-elezzjoni ġenerali kruċjali fil-fatt kellha tiddeċiedi jekk il-pajjiż itejjibx ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea inkella jkomplix fit-triq tal-politika estremista tal-lemin li qabad Orban.

Il-Partit Fidesz fil-Gvern fl-aħħar jiem kien qed jagħmel minn kollox biex iżid il-mandat tal-poter wara sittax-il sena fil-Gvern, madankollu, l-istħarriġ popolari kien ilu juri vantaġġ għal Tisza u għal Peter Magyar…Politiku li darba kien jifforma parti mill-Fidesz u li llum sar l-akbar avversarju politiku ta’ Orban.

Fl-aħħar jiem ukoll, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, kien mar f’Budapest f’turija ta’ appoġġ lill-Prim Ministru Ungeriż waqt il-kampanja iżda l-osservaturi qablu, sigħat ilu, li din iż-żjara, fil-fatt, ħadmet kontra l-eks Prim Ministru.

Sadanittant hemm ħerqa kbira biex id-direzzjoni tal-Ungerija tinbidel drastikament …Dan meta sallum, Orban u l-Gvern tiegħu kienu meqjusin bħala l-aktar Stat Ewropew b’relazzjonijiet tajbin mar-Russja ta’ Vladimir Putin.

Fil-fatt, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti  u r-Russja segwew b’attenzjoni kbira l-elezzjoni fl-Ungerija – l-istess bħall-Ukrajna, minħabba li l-Gvern ta’ Orban kemm-il darba ostakola l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea lill-Ukreni li ilhom aktar minn erba’ snin fi gwerra mar-Russja.

Minbarra li għandu r-rabtiet sodi mal-Kremlin, Viktor Orban hu wkoll alleat kbir tal-President Amerikan, Donald Trump. Minbarra dan, hu, ħafna drabi, kien akkużat b’li ostakola bi ħsieb id-demokrazija fl-Ungerija permezz ta’ stil ta’ politika intolleranti…, Akkużi li ġejjin fil-parti kbira minn Brussell.

Madankollu, Peter Magyar, issa, qed iwiegħed biex idawwar lura r-riformi ta’ żmien Orban fl-inqas żmien possibbli u ladarba hu jaħtar il-Kabinett ġdid f’Budapest.