Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
Li l-lezzjonijiet tal-passat kienu qed jittieħdu bis-serjetà, li l-kultura politika kienet qed timxi lejn aktar trasparenza u kontabbiltà, u li l-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet kienet qed terġa’ tinbena, anke jekk bil-mod. Madankollu, biżżejjed deċiżjoni waħda biex tfakkrek kemm dan il-progress huwa vulnerabbli u kemm għadu jiddependi fuq ir-rieda politika ta’ min għandu l-poter.
Id-deċiżjoni li ma jibqgħux jiġu ppubblikati dikjarazzjonijiet dettaljati tal-assi ta’ dawk li jmexxu l-pajjiż mhijiex kwistjoni teknika, amministrattiva jew proċedurali. Hija deċiżjoni politika b’implikazzjonijiet profondi fuq id-demokrazija, fuq il-mod kif nifhmu l-kontabbiltà u fuq ir-relazzjoni bejn min jiggverna u min hu gvernat. Tmiss direttament mal-prinċipju li l-poter f’soċjetà demokratika għandu dejjem ikun suġġett għall-iskrutinju pubbliku.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi qatt ma kienu formalità vojta. Huma għodda essenzjali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaraw jekk min qed jieħu deċiżjonijiet f’isimhom hux qed jagħmel dan b’mod ħieles minn interessi personali jew finanzjarji li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu. Huma mekkaniżmu preventiv, mhux reattiv: ma jeżistux biex jikkundannaw, iżda biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess u biex isaħħu l-fiduċja.
Meta dikjarazzjoni dettaljata tiġi sostitwita b’waħda ġenerika, li tagħti inqas informazzjoni u li mhijiex maħsuba biex tkun suġġetta għal skrutinju pubbliku effettiv, ma nistgħux insejħulha riforma. Hija regressjoni. Hija tnaqqis fl-istandards li għal snin twal konna nqisu bħala minimi għal min jokkupa karigi eżekuttivi ta’ importanza nazzjonali.
Il-kwistjoni mhijiex biss x’tgħid il-liġi, iżda x’jitlob il-prinċipju tal-etika pubblika. F’pajjiż demokratiku matur, il-minimu legali qatt ma għandu jkun il-massimu morali. Anke jekk wieħed jipprova jargumenta li l-obbligi formali ġew sodisfatti, jibqa’ l-fatt li l-ispirtu tal-kontabbiltà ġie mdgħajjef. Il-poter ma jistax jinżamm u jitħaddem fl-istess ħin mingħajr trasparenza.
Jiena dejjem emmint li min jagħżel li jidħol fil-ħajja pubblika, speċjalment f’pożizzjonijiet ta’ poter, jagħmel dan b’għarfien sħiħ li ċertu livell ta’ privatezza jrid jiġi sagrifikat. Dan mhuwiex att ta’ ostilità lejn il-politiku, iżda kundizzjoni neċessarja biex tinżamm il-fiduċja tan-nies. Il-privatezza tonqos proporzjonalment mal-poter, għax il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet jiżdiedu.
Dak li jinkwetani l-aktar f’din il-kwistjoni huwa l-messaġġ li qed jintbagħat. Messaġġ li jgħid li l-iskrutinju huwa ta’ inkonvenjent, li t-trasparenza hija xi ħaġa li tista’ tiġi adattata skont il-konvenjenza tal-mument, u li l-poter għandu d-dritt jiddeċiedi x’informazzjoni jistħoqqlu jkun jaf il-poplu. Din hija mentalità perikoluża li tmur kontra l-prinċipji bażiċi tas-saltna tad-dritt.
Meta istituzzjonijiet indipendenti jwissu li deċiżjoni bħal din tirrappreżenta pass lura u messaġġ negattiv, wieħed jistenna riflessjoni politika serja. Jistenna li jkun hemm rieda li tinstema’ l-kritika u li jsiru korrezzjonijiet. Minflok, qed naraw tentattivi biex il-kwistjoni tiġi mnaqqsa għal argument tekniku dwar formoli u proċeduri. Iżda n-nies mhumiex interessati fil-forma; huma interessati fis-sustanza.
Din is-sitwazzjoni tikxef problema aktar profonda: kultura politika li għadha tħares lejn it-trasparenza bħala piż u mhux bħala valur. Kultura li għadha ma fehmitx li l-poter f’demokrazija ma jingħatax darba għal dejjem, iżda jiġi kkonfermat kuljum permezz tal-fiduċja tan-nies. Din il-fiduċja tinbena b’mod konsistenti, permezz ta’ mġiba miftuħa u responsabbli.
Hemm min jgħid li qed isiru riformi u li fil-futur se jkun hemm sistema ġdida. Iżda r-riforma vera ma tibdiex billi tnaqqas dak li kien jaħdem. Tibda billi ssaħħaħ, ittejjeb u tagħmel aktar aċċessibbli. F’dan il-każ, ir-riforma li verament kienet meħtieġa kienet waħda li żżid id-dettall, il-kjarezza u l-aċċess għall-informazzjoni, mhux li tnaqqasha.
Din mhijiex kwistjoni partiġġjana u lanqas argument ta’ konfront politiku għall-konfront innifsu. Hija kwistjoni ta’ prinċipju demokratiku. Illum qed nitkellmu fuq dikjarazzjonijiet tal-assi; għada jista’ jkun fuq oqsma oħra fejn l-informazzjoni pubblika tiġi ristretta ftit ftit, sakemm insibu ruħna naċċettaw dak li qabel konna nqisu inaċċettabbli.
Jiena nemmen li ċ-ċittadini jixirqilhom aħjar. Jixirqilhom governanza li ma tibżax mill-iskrutinju, li tifhem li l-poter huwa servizz u mhux privileġġ, u li tqiegħed il-fiduċja pubblika fuq quddiem nett. It-trasparenza mhijiex għażla li tista’ tiġi adottata jew abbandunata skont iċ-ċirkostanzi; hija pedament essenzjali tad-demokrazija.
Jekk tassew irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet u nerġgħu nibnu l-fiduċja, irridu nibdew billi nirrikonoxxu li din id-deċiżjoni kienet żbaljata. Il-korrezzjoni tagħha ma tkunx sinjal ta’ dgħufija, iżda ta’ maturità politika. Inkella, inkunu qed naċċettaw li f’pajjiżna t-trasparenza għadha meqjusa bħala problema, meta fil-verità hija l-unika soluzzjoni kredibbli.
//= $special ?>Id-dikjarazzjonijiet tal-assi
qatt ma kienu formalità vojtaDan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ April, 2026.


