Opinjoni

Opinjoni: Telliefa u rebbieħa

Bil-waqfien mill-ġlied li nittamaw li jinżamm fl-Iran, id-dinja tista’ tifhem u tistaqsi

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Tifhem sewwasew x’ġara u kemm kien hemm tifrik. Tistaqsi jekk xi parti fil-kunflitt ħarġitx rebbieħa jew telliefa. Dawn il-ġimgħat twal li rajna u smajna sa ċertu punt huma indikazzjoni li meta jitkellmu l-armi, id-dinja tmur komplessivament lura. Min daħal direttament effettwa direttament u indirettament lil diversi oħra, li fl-għaqal politiku tagħhom għażlu li ma jidħlux.
Diġà d-diversi stati paċifiċi fir-reġjun sabu ruħhom attakkati b’telf ta’ bnedmin u tal-infrastrutturi rispettivi tagħhom. Primarjament żieda konsiderevoli fil-prezz taż-żejt u l-gass u wkoll daqqiet lill-industrija marittima u tat-turiżmu.

Fuq min tista’ tiddependi
F’dan iktar wieħed irid jistaqsi u jipprova jifhem min huma dawk li huma stabbli fil-politika barranija tagħhom. L-alleat tradizzjonali, l-Istati Uniti tal-Amerika, f’dawn il-mumenti mhuwiex proprju dak li tista’ taħlef fuqu. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu, u kif ġew meħuda iqegħduna fil-pożizzjoni fejn mhux biss niddubitaw imma nibqgħu passi lura. Anki jekk hemm min irid iżarma, jew żbaljatament jattakka pajjiżi li jinsabu ġewwa n-NATO, xorta sewwa għamlu dawk li ma segwewx din l-azzjoni militari. Il-kawtela kienet ispirata mill-għaqal u l-għarfien li hemm storja politika twila li tfakkar li passi bħal dawn f’dak ir-reġjun huma, aktar u aktar u fl-aħħar mill-aħħar, kontro-produċenti.

Alleanzi oħra
F’dan ix-xenarju, fejn ilkoll qed naraw l-effetti ekonomiċi negattivi għall-popli. Dawk li ma ħadux sehem, kif ukoll f’dawk li ħadu, id-dinja ser tara iktar tbatijiet minn dawk li ċertament m’għandha ebda forma ta’ bżonn. Wara dak li għaddejna minnu qabel, fis-snin ta’ qabel, wieħed kien qiegħed iħares sabiex ikun hemm iktar stabilità u l-prezzijiet, speċjalment fuq l-ikel, jinżammu l-iktar ’l isfel possibbli. Jista’ ma jkunx hemm limitu jew jista’ jkun hemm permessi varji, imma jidher ċar li iktar pajjiżi ser jiddejnu. Ser isiru fil-fatt iktar ekonomikament vulnerabbli u fil-kważi impossibbiltà li jieħdu l-arloġġ lura.

Hormuz jew le
F’dan, anki jekk il-passaġġ marittimu effettivament jinfetaħ lura u l-prezzijiet taż-żejt u l-gass jinżlu, xorta hemm l-effetti. Dak li ntilef u dak li ntefaq minħabba dak li seħħ sa issa mhuwiex ser jinġieb lura. Minflok ninsabu fil-pożizzjoni li issa li l-Iran u diversi oħra fehmu kemm din ir-rotta ekonomika hija importanti, ma hemm xejn li jżomm, fil-futur, l-użu politiku tagħha. Jekk xi ħadd irid jattakka l-ekonomija mondjali, kull ma jrid jagħmel hu li jassigura li din ir-rotta tiġi perikolata. Jista’ f’dan li dawk li kellhom isofru l-attakki jagħmlu l-kontijiet fi bnedmin u distruzzjoni, imma hemm il-futur. Dan mhuwiex ser ikun kif taħseb il-mentalità ta’ xi wħud. Bidla fir-reġim ma kienx hemm; anzi ġie prodott aktar ir-riskju li din tiġi ssudata iktar minn qabel bi bnedmin li jidħlu fil-vojt li ġie maħluq fis-setturi marbuta mal-estremiżmu.
Mhux ser ikun hemm klima differenti milli kellna qabel.

Id-dadi ma jaħdmux
Id-dinja politika, għal ħafna snin tagħraf li deċiżjonijiet ta’ din il-portata jitolbu aktar ħsieb. Jitolbu aktar għarfien tal-konsegwenzi tal-passi li wieħed jieħu. Dan jidher ċar li ma ġiex meħud. Ħafna mxew bil-ħsieb li jekk tneħħi lil min jikkmanda fl-Iran, allura kollox kien ser jikkrolla. Direzzjoni sempliċistika f’settur mill-iktar ikkumplikat. Mhux biss, imma għada pitgħada, dejjem jekk l-attakki effettivament jieqfu, ser naraw l-Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha. Dan għax uriet li hija stabbli u ma tistax tinġibed f’kunflitti li ma temminx fihom. B’attenzjoni ser tkun benefiċjarja aktar u aktar għax uriet li hemm distinzjoni bejnha u bejn l-amministrazzjoni tal-President attwali. F’dan wieħed jifhem għala hemm daqshekk interess fl-elezzjonijiet li se jsiru fl-Ungerija. Jekk il-Gvern ta’ hemm jinbidel, allura l-Unjoni Ewropea tkun tista’ timxi aktar ‘il quddiem u ma tibqax bi stat fil-pożizzjonijiet li huwa sa issa ħaddan.

Anki jekk
Anki jekk ikun hemm lura xi forma ta’ ftehim u aġir fil-paċi, xorta nibqgħu bil-problema tal-kunflitt fl-Ukrajna. Għalkemm minn dan li rajna waqafna nisimgħu bl-istess intensità u f’ċertu sens, intesiet. Imma fil-fatt din hija determinant sabiex l-affarijiet jiġu f’pożizzjoni aħjar. Xenarju fejn, kif inhuwa quddiemna, l-Istati Uniti, bl-iskuża li l-membri l-oħra tan-NATO ma tawhiex appoġġ, ser tkompli tirtira milli tgħin lil dan il-poplu. Rigal fuq platt għal naħa u fl-istess ħin ukoll rikonoxximent li l-armi moderni jiswew flus kbar u trid il-fondi biex issostnihom. Dak li ntefaq fl-Iran hemm prezz ekonomiku għalih anke hawn. F’dan ser naraw xenarju ġdid li jitlob aktar stabbiltà u viżjoni fit-tul ta’ fejn irridu nkunu u mmorru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Għad fadal
Fl-erba’ snin ta’ din l-amministrazzjoni fl-Istati Uniti għad fadlilna aktar minn sentejn u nofs tagħha. Bdejna nduqu dak li bnedmin f’politika mhux iffurmata fl-istorja tad-dinja u fil-kultura li nġabret, qed jiddeċiedu.
Deċiżjonijiet li jżidu ħafna fil-gravità tagħhom proprju għax hemm armament li stati u mexxejja oħra li jista’ jkollhom dawn l-ideat, m’għandhomx. Huwa evidenti li ma hemmx vuċijiet li jwaqqfu u jikkoreġu sabiex ma jkollniex dak li qed naraw. Anzi, huwa ċar quddiemna li kull min b’xi mod kien kontra, jew huwa, tneħħa jew ser jitneħħa. F’dan l-ekonomiji mondjali ser isofru ferm aktar.
Għax fir-realtà, quddiem dak li għaddejna minnu u dak li ser ngħaddu minnu f’xenarji oħra, f’kumplikazzjonijiet oħra ma hemmx rebbieħa. Hemm biss telliefa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ April, 2026.