L-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM), permezz tal-kandidati tagħhom għall-Kunsill Studenti Universitarji, qed iressaq numru ta’ proposti li qed jimmiraw li jtejbu l-benesseri u l-ħajja studenteska tal-istudenti universitarji.
Fil-fatt, waħda mill-proposti prinċipali tal-SDM, hija propju l-KSU Thesis and Policy Forum.
Din il-proposta tiġi wara li l-SDM għarfet li huma bosta r-riċerki tal-ogħla livell li jwettqu l-istudenti fl-Università u li wara li dan ikun ikkoreġut mil-letturi, jispiċċa fuq xkaffa. Fi stqarrija, l-SDM spjegat li l-istudenti jqattgħu ġimgħat twal jaħdmu fuq riċerka akkademika sabiex jibnu t-teżi tagħhom.
Għalhekk, għandu jkun hemm sistema fejn ir-riċerka tal-istudenti, tasal direttament għand il-policymakers u l-mexxejja.
Fl-istqarrija, l-SDM spjegat li din il-proposta tirrifletti l-impenn tagħhom sabiex l-istudenti dejjem ikollhom sehem akbar f’pajjiżna.
L-elezzjonijiet tal-Kunsill Studenti Universitarji ta’ din is-sena se ssir il-ġimgħa li ġejja, bl-SDM iressaq ‘il quddiem 11-il kandidat għal din l-elezzjoni.
//= $special ?>

