Lokali

Sirjan jgħaddi ġuri b’rabta ma’ omiċidju f’Għawdex

Kmieni filgħodu, beda l-ġuri ta’ żagħżugħ Sirjan ta’ 28 sena, mixli li qatel Sirjan ieħor f’Għawdex.

Il-każ imur lura għas-7 ta’ Mejju tal-2022, meta allegatament kienet inqalgħet ġlieda bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani f’Għawdex. Fejn skont ix-xhieda jidher li dakinhar, l-imputat, Maher Aljasem allegatament ta daqqa ta’ għodda tat-tkaħħil lill-vittma Fawaz Najem li dak iż-żmien kellu 25 sena.

Ftit sigħat wara dan l-ewwel inċident, Aljasem ta daqqa ta’ sikkina lil Najem f’sit ta’ kostruzzjoni bejn it-8 u l-10 ta’ filgħaxija. Fejn kien hemm anke raġel ieħor, Kazem Adalaa li sofra xi ġrieħi ħfief f’dan l-inċident.

Irriżulta illi s-sikkina, laqtet il-qalb tal-vittma u anke f’dahru. Fejn hu tpoġġa f’karozza u ttieħed malajr lejn l-isptar – iżda tilef ħajtu fil-karozza.

Għalhekk, Aljasem qed jgħaddi ġuri akkużat li qatel lil Najem, u anke weġġa’ lil Abdalaa – filwaqt li kellu fil-pussess tiegħu sikkina jew arma bil-ponta mingħajr liċenzja u li kiser l-paċi pubblika.

Il-ġuri qed ikun ippresedut mill-Imħallef Neville Camilleri, wara li intagħżlu 9 persuni għal ġurija, 7 rġiel u żewġt irġiel.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Cynthia Tomasuolo, id-difiża qed titmexxa mill-Avukati Peter Fenech, Amy Zahra u Elena Fenech filwaqt li parte civile qed jidhru l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb.