Lokali

Eks uffiċjal tal-pulizija jiċħad li ostakola t-triq f’inċident fatali f’Ħaż-Żebbuġ

Christopher Cutajar, eks uffiċjal tal-pulizija ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, deher quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana wara inċident fatali f’Ħaż-Żebbuġ li seħħ fl-2020.
Huwa mixli bl-omiċidju involontarju ta’ Lisa Marie Curmi, li mietet għaxart ijiem wara li kienet passiġġiera fuq mutur Harley Davidson li ħabat mal-karozza tiegħu. Il-mara kellha 32 sena.
Fix-xhieda tiegħu, Cutajar qal li dakinhar kien mar jaħsel il-karozza u meta kien qed joħroġ fit-triq prinċipali waqaf u ħalla karozza tgħaddi. Qal li wara ma ra l-ebda traffiku ġej u kompla jsuq, sakemm f’daqqa waħda sema’ ħabta qawwija.
Huwa qal li ħareġ mill-vettura u mar jara jekk xi ħadd kienx imweġġa’, u talab ambulanza. Sostna li ma jiftakarx aktar minn dak il-mument ‘il quddiem.

L-avukat tal-familja tal-vittma, Lennox Vella, innega l-verżjoni tiegħu u qal li minħabba l-layout tat-triq, huwa diffiċli toħroġ mill-carwash mingħajr ma taqsam iż-żewġ korsiji.
Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li xhud ieħor rat lill-imputat joħroġ b’mod li ostakola t-triq u ma ħalliex spazju għall-mutur.

Cutajar ċaħad dan kollu u nnega totalment l-istqarrija ta’ dan ix-xhud, u sostna li hija waslet fuq il-post wara li kien diġà seħħ l-inċident.

L-avukat Vella saħaq li l-manuvra kienet intrinsikament perikoluża u li anke l-filmat tac-CCTV juri l-mutur javviċina waqt li l-imputat kien qed joħroġ mill-carwash. Cutajar baqa’ jinsisti li t-triq kienet vojta u li ma kienx joħroġ kieku ra xi vettura ġejja. Il-każ ġie differit għat-12 ta’ Ġunju.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Clayton Camilleri, filwaqt li d-difiża qed titmexxa mill-avukat Dominic Micallef. L-avukat Lennox Vella qed jirrappreżenta lill-familja tal-vittma.