Fondazzjoni Sebħ tkompli tibbenefika minn donazzjoni ġeneruża ta’ 500,000 sehem li ngħatat fis-sena 2020 minn Paul Gauci, fundatur tal-PG Group – dividend annwali li jappoġġja s-sostenibbiltà tas-servizzi tagħha għat-tfal, nisa u familji.
Fl-2025, Fondazzjoni Sebħ irċeviet dividend nett ta’ €33,564.52. Dan il-kontribut assista lill-organizzazzjoni tkompli ttejjeb il-kwalità tal-kura mogħtija lit-tfal u ż-żgħażagħ li jgħixu fir-residenzi tagħha — li ħafna minnhom ikunu esperjenzaw xi tip ta’ trawma fi tfulithom.
Filwaqt li t-tfal kollha jeħtieġu appoġġ fl-iżvilupp fiżiku, edukattiv, mediku u emozzjonali tagħhom, dawk li jkunu fil-kura alternattiva spiss jiffaċċjaw sfidi addizzjonali minħabba trawmi li ġarrbu fil-passat. Dawn l-esperjenzi jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-imġiba soċjali u emozzjonali tat-tfal.
Yvonne Mallia, Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, qalet: “Bis-saħħa ta’ dan l-appoġġ finanzjarju mill-PG Group, l-organizzazzjoni saħħet it-tim tagħha ta’ professjonisti ddedikati biex joħolqu ambjent sigur, u jgħinu lit-tfal fl-iżvilupp ħolistiku tagħhom, filwaqt li jappoġġjaw ukoll il-bżonnijiet edukattivi u ta’ żvilupp soċjali u emozzjonali tagħhom. Il-professjonisti jorganizzaw ukoll attivitajiet bħal tisjir u ħarġiet soċjali — li jgħinu lit-tfal jibnu l-kunfidenza u, l-indipendenza tagħhom – ħiliet essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum.”
Malcolm Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-PG Group, żied jgħid: “Aħna nemmnu bis-sħiħ li kull tifel u tifla jistħoqqilhom sigurtà, dinjità u opportunitajiet biex jikbru. Huwa privileġġ għall-PG Group li jikkontribwixxi għax-xogħol essenzjali li tagħmel Fondazzjoni Sebħ biex tappoġġja tfal u familji vulnerabbli, u nibqgħu impenjati li ngħinu noħolqu impatt pożittiv fit-tul.”
Fondazzjoni Sebħ tesprimi l-gratitudni kbira tagħha għal dan l-appoġġ finanzjarju kontinwu, li jgħin jiżgura s-sostenibbiltà tas-servizzi. Dan il-kontribut qed jagħmel differenza sinifikanti billi jippermetti lit-tfal u n-nisa fil-kura jirċievu mhux biss appoġġ essenzjali, iżda wkoll l-istabbiltà, is-sigurtà u l-opportunitajiet li għandhom bżonn biex jirnexxu.
//= $special ?>

