Lokali

Il-plejer Jurgen Pisani jeħel 15-il xahar ħabs fuq każ ta’ korruzzjoni f’logħba futbol

Il-plejer tal-futbol Jurgen Pisani kien ikkundannat 15-il xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ korruzzjoni waqt il-logħba mill-kampjonat Premier ta’ sentejn ilu bejn Santa Luċija u Birkirkara.

Il-każ kien idur ma’ allegazzjoni li Pisani offra €2,000 lil plejer ieħor biex jilgħab ħażin.

Pisani kien għadda proċeduri quddiem l-MFA fejn kien illiberat. Anke l-klabb ta’ Santa Luċija kien illiberat mill-MFA. Iżda l-Pulizija xorta kienu bdew proċeduri.

Ix-xhud ewlieni fil-Qorti kien plejer ta’ Birkirkara illi ikkonferma li waqt il-logħba Jurgen Pisani offrielu €2,000 biex ma jiskorax waqt li plejer ieħor ta’ Santa Luċija, Steven Pisani, qallu biex ma jiskurax – imma ma offrilux flus. Fix-xhieda tiegħu, Pisani ċaħad l-akkuża u ressaq bħala prova filmat tal-logħba li xxandret fuq TVM fejn qal li hu ma kellimx lil Maia kif allega dan.

Wara li semgħet il-provi, il-Qorti warrbet it-teżi tad-difiża li Maia ma kienx jifhem jew jitkellem sew bl-Ingliż u li allura seta’ fehem ħażin.

Il-Maġistrat qalet ukoll li Jugen Pisani u sieħbu Steve Pisani nqdew bil-familjarità li Steve Pisani kellu ma Maia biex jippruvaw isalvaw lill-klabb tagħhom mr-relegazzjoni.

Hija rreferiet għaċ-chats fuq WhatsApp bejn Jurgen Pisani u Steve Pisani u qalet li ma temminx li dawn tħassru mill-akkużat l-għada tal-logħba biex ma jurix lil martu li ftehmu li jmorru gentleman’s club kieku rebħu.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabitu ħati u skwalifikatu wkoll milli jipparteċipa f’avvenimenti sportivi għal 10 snin waqt li talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Steve Pisani.