Lokali

Illejla jixxandar l-aħħar programm mir-reality show ‘Akoma’ fuq Net TV

Wara esperjenza mill-isbaħ ta’ tliet xhur, illejla jasal fi tmiemu l-programm popolari Akoma.

Dan il-programm ilu minn Jannar jixxandar fuq Net TV, u ħa lit-telespettaturi fuq vjaġġ lejn il-Ghana flimkien mal-HopeXchange u s-sitt parteċipanti li ħadu sehem f’dan ir-reality fil-kontinent Afrikan.

Il-programm tal-lejla se jkun f’format differenti, fejn fl-istudio se jerġgħu jinġabru s-sitt parteċipanti ta’ Akoma – Marvic, Antony, Daniela, Chloe, Christine u Xandru. Magħhom se jingħaqdu wkoll Mario Cappello, il-Fundatur tal-HopeXchange u Nikol Baldacchino, Direttur tal-Iżvilupp.

Fid-diskussjoni, se jkunu qed jgħixu mill-ġdid l-esperjenzi ta’ dawn il-ġimgħat fil-Ghana. Dan filwaqt li se naraw filmati li żgur se jqanqlu ħafna memorji.

Il-programm tal-lejla jibda fit-8:30pm bi preżentazzjoni ta’ Naomi Meli.

Akoma għandu produzzjoni ta’ Gail Mallia, b’filmati ta’ Matthew Tabone u Pierre Muscat.