Internazzjonali

Jibqa’ fis-seħħ l-imblokk tal-Amerikani fuq ir-rotta ta’ Hormuz; taħdidiet bejn il-Libanu u Iżrael

Minn tal-inqas erba’ bastimenti konnessi mal-Iran u b’sanzjonijiet mill-Istati Uniti – inklużi tnejn li kienu fil-portijiet tal-Iran fil-jiem li għaddew – xorta waħda tħallew jgħaddu mir-rotta ta’ Hormuz. Dan wara li l-Amerika ħabbret imblokk fl-istess rotta.

L-imblokk min naħa ta’ Washington daħal fis-seħħ it-Tnejn meta l-Viċi President JD Vance akkuża lill-Iran b’azzjonijiet ta’ terroriżmu ekonomiku – Dan wara l-laqgħat u t-taħdidiet li sfaxxaw fix-xejn bejn iż-żewġ pajjiżi.

Intant l-Armata Amerikana min naħa tagħha assigurat li mhux ser tkun qed twaqqaf l-ebda bastiment li ma jkunx b’sanzjonijiet mill-Istati Uniti – Madanakollu r-rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li xorta waħda għaddew bastimenti b’konnesjoni mal-Iran

Il-Gvern Amerikan jidher li mhux ser ikun qed jibgħat bastimenti tal-gwerra fil-portijiet tal-Iran fl-istess rotta – madanakollu jistgħu jinterċettaw bastimenti   fl-Oċean Indjan.

Min naħa tal-Gvern Iranjan għamluha ċara li din il-mossa min-naħa tal-Amerikani qed tkompli thedded is-sovranità tagħhom. Bil-President Amerikan min naħa tiegħu jisħaq li l-Uffiċjali Iranjani jridu jerġgħu jinnegozjaw.

B’reazzjioni għal dan, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina kkundanna dan l-blokk tal-portijiet tal-Iran u ddeskriva din l-azzjoni bħala waħda “perikoluża u rresponsabbli” – U li dan se “jikkawża biss aktar tensjoni”.

Fi żvolta oħra relatata mal-Kunflitt fil-Lvant Nofsani, jidher li hemm wkoll possibilita ta’ taħdidiet għal paċi bejn l-Iżraeljni u l-Lebaniżi – Dan wara rapporti li l-ambaxaturi rispettivi taż-żewġ pajjiżi ser jkunu qiegħdin jiltqgħu f’Washington aktar tard matul il-jum.

Jidher wkoll li għal dawn it-taħdidiet ser jkun preżenti s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio – Bit-taħdidiet jiffukaw kif iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fil-futur.

Madanakollu il-Militani tal-Grupp terroristiku Ħeżbollah, li jinsab stazzjonat fil-Libanu – irriġetta dawn it-taħdidiet u saħaq li mhux ser ikun qiegħed jsegwi dak li joħroġ mit-taħdidiet tal-Gvern Lebaniż ma’ dak Iżraeljan.

Apparti min hekk, tul il-jum komplew ukoll l-attakki min naħa tal-Forzi Iżraeljani fuq il-Libanu u l-bażijiet tal-Ħeżbollah.