Lokali

L-isport għandu jingħata Ministru dedikat

L-isfidi attwali li qed jiffaċċjaw il-plejers tal-futbol lokali, inkluż l-istabbiltà tal-karriera, u l-appoġġ fl-isport.

Dawn kienu wħud mit-temi li ġew diskussi f’laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, ma’ rappreżentanti tal-Malta Players Associations, fid-Dar Ċentrali. Għaqda li tieħu ħsieb lill-plejers tal-football Maltin u Għawdxin li jilgħabu fil-klabbs u n-nurseries.

Matul din il-laqgħa it-tmexxija l-assoċjazzjoni qasmet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-isfidi li qed taffaċċja inkluż dawk finanzjarji u nuqqas ta’ protezzjoni legali, fost l-oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg min-naħa tiegħu enfasizza l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-plejers u titjieb l-istruttura tal-futbol Malti. Dan apparti li fakkar li l-PN irid li jkun hemm Ministru dedikat għall-isport…u jkun hemm Qorti għall-isport.

Alex Borg qal li l-isport għandu rwol importanti fis-soċjetà u għandu jingħata aktar importanza fuq livell nazzjonali. Borg wiegħed ukoll li jkompli d-djalogu mal-partijiet interessati u jesplora soluzzjonijiet prattiċi li jibbenefikaw kemm lill-plejers kif ukoll lill-komunità usa tal-futbol.

Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat, David Agius.