Lokali

Mas-saħħa tan-nies m’hemmx ċajt – PN

Kull investiment fis-saħħa hu importanti, imma n-nies jixirqilhom gvern aktar serju u kredibbli; il-PN jilqa’ l-aħbar ta’ sptar għall-kura intermedjarja imma jsaqsi x’sar mill-isptarijiet kollha l-oħra li wiegħed il-Labour snin ilu

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ħarġet is-sejħa għall-bini ta’ sptar ġdid għall-kura intermedjarja f’San Vinċenz de Paul. Il-ħtieġa ta’ investiment serju fis-saħħa tan-nies u tal-anzjani tagħna ilha żmien tinħass u l-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jitlob li l-Gvern jinvesti f’qasam li fl-aħħar snin intelaq għal riħu.

Hekk sostnew fi stqarrija x-Shadow Ministers, Paula Mifsud Bonnici, Stephen Spiteri u Ian Vassallo fejn qalu li jkun tajjeb jekk il-Gvern jagħtina timeframe ta’ meta se jitlesta dan l-isptar ta’ 300 sodda għall-anzjani.

Imma bl-istess mod, ikun tajjeb ukoll kieku l-Gvern jagħti timeframe ta’:

  • Meta se jibda u jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar ta’ St Luke’s biex jibda jilqa’ fih il-pazjenti;
  • Meta se jibda u jitlesta x-xogħol ta’ ristrutturar tal-Isptar Karin Grech biex dan ukoll jibda jintuża bl-aqwa mod;
  • Meta se jibda u jitlesta l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex;
  • Meta se jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-estensjoni tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei;
  • Meta se jibda u jitlesta l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali – li tant smajna verżjonijiet differenti dwaru.

Tajjeb ukoll kieku l-Gvern jgħidilna x’se jsir mill-Isptar Monte Karmeli, li l-biċċa l-kbira tiegħu huwa kkundannat.

Ikun tajjeb ukoll jekk il-Gvern jara li jinvesti bis-serjetà fil-kura primarja billi jara li kull raħal ikollu mqar berġa – jekk mhux ċentru tas-saħħa – li taqdi l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi. Infakkru li, minkejja t-tkabbir fil-popolazzjoni, bosta bereġ u ċentri tas-saħħa ngħalqu fl-aħħar snin u baqgħu magħluqa bil-konsegwenza li qed tinħoloq pressjoni dejjem akbar fuq ċentri oħra u fuq l-Isptar Mater Dei.

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern investa bis-sħiħ fis-saħħa permezz ta’ sptar ġdid li allaħares ma kienx hu llum, permezz tal-bini ta’ ċentru tal-onkoloġija li fih tingħata l-kura lil pazjenti bil-kanċer, u b’investiment kontinwu f’ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.

Fis-saħħa n-nies jixirqilhom gvern serju li għandu pjan u mhux gvern li fi kważi 15-il sena ma wettaqx wegħda waħda u issa għax waslet l-elezzjoni, qed jerġa’ jfajjar il-wegħdi tas-“silly season”, li mbagħad jibqgħu ma jitwettqu qatt.

Nisperaw li dan l-Isptar Sir Temi Zammit li l-Gvern f’daqqa waħda u b’ċerta urġenza issa ħabbrilna li nħarġet is-sejħa għall-iżvilupp tiegħu, mhux wegħda oħra minn dawn.

Mas-saħħa tan-nies m’hemmx ċajt.