Il-Kunsill Lokali tal-Furjana ħabbar l-aħħar dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, li din is-sena se jsir is-Sibt 18 ta’ April, fuq il-Fosos.
Din hija s-17-il edizzjoni tal-festival, li se jkun qed jieħu xejra ftit differenti b’organizzazzjoni aktar diretta mill-Kunsill Lokali tal-Floriana.
Il-Viċi Sindku tal-Furjana James Aaron Ellul qal li festival bħal dan isaħħaħ il-valur storiku u kulturali tal-piroteknika f’pajjiżna, filwaqt li rrimarka li l-Maltin huma pijunieri f’dan il-qasam – kemm livell mekkanizzat kif ukoll pirotekniku.
F’kummenti lil Net News huwa spjega li l-festival se jkun maqsum f’ħames kategoriji distinti li jiffokaw fuq tipi differenti ta’ raddieni mekkanizzati.
Il-ġurija, magħmula minn esperti barranin u Maltin, tevalwa kemm l-armar kif ukoll il-ħruq, filwaqt li l-parteċipanti jridu josservaw regoli stretti ta’ sigurtà, konformità legali u preżentazzjoni teknika.
Fl-istess waqt, huwa aċċenna għall-importanza li entitajiet governattivi u kulturali jagħtu aktar sostenn lill-Kunsill.
Ir-rebbieħa tal-festival se jitħabbru t-Tnejn li ġej.
//= $special ?>

