Opinjoni

Opinjoni: Din is-sena l-Gvern se jissellef sa’ €1,900 miljun…

Bl-imgħaxijiet ikomplu jiżdiedu

Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista

€958 miljun huma maħsuba li ser imorru biex jitħallsu lura stocks tal-Gvern li jagħlqu din is-sena,€852 miljun biex tiġi ffinanzjata n-nefqa tal-Gvern din is-sena u l-bqija biex il-gvern jissellef minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħal Bank tal-Investiment Ewropew. Barra minn hekk il-Gvern kull ġimgħa joħroġ Bills tat-Teżor li jsiru permezz ta’ irkantijiet.
Issa li nafu kemm huma l-ħtiġiet tal-Gvern li jissellef, ħtiġiet li jistgħu jiżdiedu jekk il-gwerra fil-Lvant Nofsani titwal u l-Gvern isib li jkollu jissellef anke iktar, nistgħu nagħmlu xi osservazzjonijiet u riflessjonijiet. Mill-istocks tal-Gvern li ser jagħlqu din is-sena hemm minnhom li huma b’imgħax baxx ħafna. B’kollox din is-sena ser jagħlqu sitt tipi ta’ stocks li l-Gvern iħallas u jerġa’ joħroġ mill-ġdid. Fil-parti l-kbira tagħhom b’imgħax ogħla. L-istocks li ser jagħlqu din is-sena huma:
3.55% Malta Government Stock 2026 V;
3.85% Malta Government Stock 2026 VI;
0.40% Malta Government Stock 2026 II;
0.25% Malta Government Stock 2026 III;
0.10% Malta Government Stock 2026 IV.
L-ewwel tnejn jistgħu joħorġu bl-istess rata ta’ imgħax. Iżda mhux l-aħħar tlieta fejn l-imgħaxijiet huma kollha taħt in-nofs ta’ wieħed fil-mija, b’wieħed minnhom 0.10 fil-mija. Dawn żgur jridu joħorġu b’imgħax ħafna ogħla.

Togħla r-rata tal-interessi
Iktar u iktar wara dak li qalet Christine Legarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, li nhar l-Erbgħa 15 ta’ Marzu fetħet il-bieb biex il-Bank Ċentrali Ewropew jgħolli r-rata tal-interessi fiż-żona ewro jekk il-gwerra fil-Lvant Nofsani tgħolli r-rata tal-inflazzjoni għal xi żmien. M’hemmx dubbju li l-gwerra għandha impatt fuq l-inflazzjoni. Impatt li diġà qed inħossuh bl-għoli ta’ ħafna prezzijiet. Inkluż f’pajjiżna.
Minn stħarriġ li sar fost negozji żgħar u ta’ daqs medju diġà ġie stabbilit li minħabba ż-żieda fit-tariffi tat-trasport bil-baħar nofs dawn in-negozji qed iħallsu iktar għall-importazzjoni u terz minnhom ammettew li mistennija jgħollu l-prezzijiet għal konsumatur b’mod sinifikanti. Dan bla dubbju ta’ xejn jgħolli r-rata tal-inflazzjoni.
Il-eurostat ħabbar ukoll li l-inflazzjoni fiż-żona ewro mistennija tkun ta’ 2.5 fil-mija f’Marzu, żieda ta’ 0.6 fil-mija fuq Frar meta kienet 1.9 fil-mija. Issa dan f’Marzu aħseb u ara x’ser jiġri f’April u wara jekk il-gwerra titwal u jikbru l-problemi taż-żejt, il-gass u t-trasport li magħhom jġorru s-setturi kollha.
Lura għad-dejn u l-imgħaxijiet. Bla dubbju ta’ xejn l-istocks li huma b’imgħax baxx ħafna jkollhom joħorġu mill-ġdid bl-imgaħx li qed jintalab illum. Li kif għedt iktar ‘il fuq jista’ jiżdied fuq l-aħħar stocks li ħarġu. L-istess jista’ jingħad għat-€852 miljun ta’ stocks li jridu joħorġu biex tiġi ffinanzjata n-nefqa tal-Gvern.
Bil-possibbiltá li din tikber ukoll biex il-Gvern iqassam dak li ma jaqlax qabel l-elezzjoni ġenerali.

In-nefqa fuq imgħaxijiet
Dan kollu ser iwassal biex tikber sostanzjalment in-nefqa fuq l-imgħaxijiet. Nefqa li m’għandiex bnazzi u maltemp u għalhekk trid titħallas dejjem. Gvern bil-għaqal jerfa’ u jsorr għal meta jiġi bżonn. Il-Gvern Laburista taħt Robert Abela dan m’għamlux, dejjem nefaq iktar mill-qala’ anke jekk fl-aħħar snin qala’ ħafna mill-income tax, VAT u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Tliet taxxi diretti li jaffettaw lil kulħadd. Li kieku l-Gvern warrab minnhom għal meta jiġi l-bżonn kif qed jiġi, allura verament kien ikollu war chest li Robert Abela ftaħar li għandu. Li jirriżulta li hi iktar dejn. Għaliex li kieku għandu l-flus taħt l-imħadda ma kienx għalfejn ikollu jissellef sa’ €1,900 miljun f’sena waħda!
Skont id-Dipartiment tat-Teżor fil-Pjan għas-Self tal-Gvern Ċentrali għal din is-sena, il-Gvern ser ikollu bżonn jissellef sa €1,900 miljun.

Skont id-Dipartiment tat-Teżor fil-Pjan għas-Self tal-Gvern Ċentrali għal din is-sena, il-Gvern ser ikollu bżonn jissellef sa €1,900 miljun

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ April, 2026.