Ivan Castillo
Shadow Minister
għax-Xogħol u s-Setturi Marittimu u tal-Avjazzjoni
Taħt l-iskuża ta’ “pajjiż kożmopolitan”, rajna splużjoni fil-popolazzjoni li ġabet magħha pressjoni kbira fuq il-familji, fuq il-ħaddiema, u fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Sar għandna toroq mimlijin karozzi, servizzi taħt pressjoni, komunitajiet li qed jitilfu r-ruħ tagħhom, familji li qed iħossu li qed jitħallew lura fost ħafna tbatijiet oħra. Allura wieħed ikompli jistaqsi: kien dan il-progress li konna mwegħdin? Illum għandna għażla ċara; jew nibqgħu għaddejjin bl-istess mudell li qed jagħfas fuq in-nies, jew inkunu kuraġġużi biżżejjed biex nibdlu d-direzzjoni. B’dan kollu f’moħħna, il-bidla mhijiex biss meħtieġa, iżda hija essenzjali biex nerġgħu npoġġu lill-Malti u lill-Għawdxi fiċ-ċentru ta’ kollox. Aħna mhux biss nemmnu li Malta tista’ tagħmel aħjar, imma aħna ppreparati u lesti li nagħmlu din il-bidla. Il-viżjoni tagħna hija mibnija fuq politika li tibda mill-għatba tal-bieb tan-nies. Hemmhekk fejn qed nisimgħu l-verità, fejn qed nifhmu r-realtajiet ta’ kuljum, fejn il-politika tieħu sens veru. Għalina, in-nies mhumiex statistika jew numru, imma huma l-qalba ta’ kull deċiżjoni. Kull proposta li nipproponu, kull liġi li nfasslu, trid tħares lejn il-ħajja reali tal-Maltin u l-Għawdxin. Rigward ix-xogħol u l-ekonomija, irridu sistema li tagħti dinjità vera lill-ħaddiema.
Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn sistemi li ma jirriflettux ir-realtà. Kollox juri b’mod ċar li ħafna nies qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja. Għalhekk, il-politika tagħna se tkun ibbażata fuq fatti, fuq evidenza u fuq soluzzjonijiet konkreti: xogħol ta’ valur miżjud b’pagi aħjar, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, investiment serju fit-taħriġ u l-ħiliet tal-futur. L-isfidi tal-AI u l-bidliet fid-dinja tax-xogħol jeħtieġu pjan ċar, u dan il-pjan aħna lesti li nippreżentawh. Lesti ninvestu fil-ħaddiema, fl-industriji u fin-negozji. Fis-settur marittimu u tal-avjazzjoni mhux qegħdin biss nirreaġixxu, imma qegħdin ukoll nippreparaw bi sħiħ. Dan għax irridu nkunu minn ta’ quddiem, minn tal-ewwel. Malta għandha potenzjal enormi f’dawn is-setturi, iżda dan irid ikun imsaħħaħ b’infrastruttura adegwata, governanza ċara u viżjoni fit-tul. Proposti konkreti bħal strateġija nazzjonali għall-avjazzjoni, investiment fl-MRO u f’ċentri ta’ taħriġ, kif ukoll investiment fid-diġitalizzazzjoni, huma parti minn direzzjoni li tagħmel lil Malta aktar kompetittiva, aktar produttiva u aktar reżiljenti. Ma nistgħux nibqgħu nirreaġixxu għall-problemi; irridu nippreveduhom u nindirizzawhom sabiex minnhom noħolqu opportunitajiet ġodda għall-Gżejjer Maltin. Fl-istess waqt, aħna nemmnu bis-sħiħ fid-djalogu. Politika serja ma ssirx waħedha. Irridu naħdmu mal-imsieħba soċjali, mal-industrija, mal-ħaddiema u mal-komunitajiet. Kull deċiżjoni trid tkun mibnija fuq il-konsultazzjoni reali u fuq ir-rispett lejn dawk kollha involuti. Hekk biss nistgħu nibnu politika sostenibbli u ġusta. Din il-viżjoni qed titmexxa b’enerġija ġdida u bi tmexxija li qed tagħti tama. Taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, qed naraw politika li tgħaqqad, li tisma’, u li tħares ’il quddiem. Dan għax Alex Borg huwa mexxej b’kapaċità, b’serjetà u b’determinazzjoni li se jsaħħaħ lill-pajjiż tagħna, li se jibni Malta aħjar u li se jiżgura li ħadd ma jitħalla lura. Aħna konxji li l-fiduċja tinkiseb bil-fatti mhux bil-kliem. Għalhekk l-impenn tagħna huwa wieħed ċar: li nippreżentaw politika bbażata fuq studju, fuq data u fuq viżjoni fit-tul. Irridu nkunu viċin in-nies, mhux biss fil-kliem, iżda wkoll fl-azzjoni. Li nindirizzaw il-problemi reali: l-affordabbiltà tad-djar, l-infrastruttura, il-kwalità tal-ħajja. Dan mhux bil-paroli imma b’serjetà u b’urġenza. Il-bidla li qed nipproponu mhijiex bidla ta’ paroli, ta’ billboards jew ta’ spin politiku. Hija bidla sinċiera biex nibnu fuq dak li hu tajjeb, biex nirranġaw fejn hemm bżonn, biex nibnu prosperità ġdida. Hija bidla li tpoġġi lill-Malti u lill-Għawdxi fiċ-ċentru ta’ kollox. Aħna preparati. Għandna l-viżjoni, għandna r-rieda politika, għandna l-kapaċità u għandna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.Issa hu l-mument li nimxu ’l quddiem flimkien, li noħolqu l-opportunitajiet flimkien, u li nibnu prosperità reali. Pajjiż wieħed, magħqud wara l-bajda u l-ħamra, fejn kulħadd igawdi mill-ġid, u fejn ħadd ma jkollu għalfejn jibża’ mill-Gvern tiegħu stess. Iva, flimkien se nimbuttaw lil pajjiżna ’l quddiem.
Jekk noqogħdu naħsbu ftit u nistaqsu: Malta għadha pajjiż bilanċjat, jew tlifna it-triq?
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

