Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Ninsab qed naqra l-ktieb mill-aktar interessanti tal-mibki Professur Ingliż John Gillingham (1940) magħruf fil-linja storika tiegħu. Il-ktieb The Wars of the Roses (1981) jittratta din il-gwerra twila interna msejħa ċivili fir-Renju Unit fil-kumplikazzjonijiet sħaħ tagħha.
Ingliżi kontra Ingliżi, imwiet u distruzzjoni twila u sħiħa. Dawk li għażlu li jkunu naħa jew oħra skont il-kulur tal-ward. Ktieb deskritt bħala wieħed mill-aktar ċari u riċerkati. Miexi f’din id-direzzjoni propju sija minħabba l-kurżità li ilni snin inżomm u nfittex f’kitba tajba f’dak li fl-iskola primarja kont qrajt.
Ktieb li mingħajr ma rrid tfakkarni fil-ġlied kostanti bejn il-bnedmin. Bejn l-aħwa li flimkien jistgħu jwettqu ħafna. Imma kontra xulxin kapaċi ferm u ferm aktar ikissru lilhom infushom. Forsi minnu nista’ nkompli nislet riflessjonijiet sija dwar dak li għaddej barra minn pajjiżna kif ukoll hawn issa fil-klima politika attwali.
L-individwaliżmu
Forsi f’dan ninsabu wlied ta’ ġenerazzjoni, ta’ soċjetà li trid tafferma din li hija d-dominanza tal-kultura preżenti. Dik marbuta mal-ħsieb li l-individwaliżmu jgħodd f’kollox. Ibda minn ideat kontra l-ġid tal-bniedem marbuta mal-kunċetti ta’ kummerċ fejn ir-regoli ma jiġux rispetti.
Kull bniedem għal rasu. Jimxi skont dak biss li jaħseb li jaqbillu materjalment, finanzjarjament u ma jħarisx aktar ’il bogħod. Dawk li huma l-kontra tal-persuni li jagħrfu fl-esperjenza personali tagħhom li aktar ma tagħti, aktar ma tkun impenjat għall-oħrajn aktar tkattar u twettaq opri siewja. L-altruwiżmu jibqa’ l-pedestal veru li fuqu jikbru soċjetajiet, nazzjonijiet, pajjiżi u ġnus.
Dan fl-għarfien li l-gwerra nnifisha sija jekk soċjali, politika, militari, hija frott tal-ħsieb li hemm min huwa aqwa minn ieħor tant li jista’ jimponi ruħu fuqu, li jeliminah jew jiddominah.
Alġerija
Linja li ma naqblux magħha imma li tmiss mal-ideat fis-soċjetà tagħna direttament u indirettament. Mingħajr ma nafu aħna influwenzati u rridu nikkumbattu sew, internament l-aktar biex immorru kontra l-kurrent u hekk biex nieqfulha.
Niddistingwu ruħna f’aġir differenti, diffiċli ukoll, li jħajjar lejn il-paċi, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, anki jekk nistgħu nħossuna f’mumenti mwaħħla ma nistgħux nimxu f’forma ta’ lega iebsa ta’ sadid xorta għandna eżempji madwarna li nistgħu nispiraw irwieħna minnhom.
Nikteb aktar dan fl-għarfien li l-Papa Ljun XIV mimli b’għerf u intelligenza, beda vjaġġ appostoliku lbierah ta’ għaxar t’ijiem f’erbgħa pajjiżi fil-kontinent Afrikan. F’dawn il-jiem se jibda fl-Alġerija fejn missierna Santu Wistin għex u ħalla wirt uniku. Għażla viċin il-qalb imma l-iktar dikjarazzjoni li anki jekk l-art tidher ostili u li fiha diversi nsara li f’dawn s-snin nqatlu martri bħal qaddis Charles De Faucauld u s-sebgħa patrijiet trappisti ta’ Tibhirini, xorta hemm bżonn preżenza soda u ftuħ lejn il-paċi.
Responsabbiltà
Gillingham ifakkarna f’dan il-kuntest li, “The evil that men do lives after them.” (Il-ħsara li l-bnedmin jwettqu tibqa’ ħajja warajhom). Propju f’dan ir-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin u aktar f’dawk fil-politika wkoll hemm tinsab fuqna rridu nġorruha tajjeb. Jew nippermettu li kollox jibqa’ kif kien qabel u nħallu dan l-proċess uman ikompli jirkibna kif kien għamel qabel u anzi li jissoda fuqna stess inkella li mmorru kontra tiegħu.
Niħdux sehem fil-battalji agressivi li nbdew minn oħrajn. Nilbsux il-ward abjad jew aħmar kif bnedmin wettqu biex ninżlu fil-kontinwazzjoni ta’ dan iċ-ċirku vizzjuż fir-Renju Unit bejn l-1455 u 1485. Dan jiddependi minn ħidmietna. Minn dak li lesti li nwettqu biex inwaqqfu din l-arja żbaljata li toħnoq fil-fatt l-iżvilupp siewi tal-bniedem u l-ambjent sħiħ tiegħu.
Viċin tagħna
Jista’ jkun li ġejja elezzjoni ġenerali fuqna issa malajr u jista’ wkoll aktar tard fi żmienha dan huwa sa ċertu punt irrilevanti fl-argument li qed inressaq. Dan għax sfortunatament ninnota li diġà bdejna b’diskors iebes fuq xulxin. Fuq dawk li huma suppost l-estremisti ta’ naħa. Fuq dawk li huma identifikati bħala ta’ kontra tagħna. Fuq kemm l-oħrajn iridulna l-ħsara u kemm għandhom intenzjonijiet ħżiena. Preludji ta’ xenarji li jħallu l-marki ta’ ħsara. Diġà qed nara bnedmin li bdew jiġu kkargati kontra ta’ xulxin. Ninsew li għandna l-benefiċċju li ngħixu f’demokrazija, ma għadniex fil-passat u għaddew ħames mija u sebgħin sena minn dawk il-bnedmin. Ninsew li dawk fil-politika għandhom ċertament l-ambizzjonijiet personali tagħhom imma jridu l-ġid ta’ pajjiżhom fejn ħadd ma għandu jimmaġina li għandu l-monopolju.
Fil-partiti
Argument li jrid jittieħed pass ieħor ’il quddiem fil-fragmentazzjoni li jidher li ilna nġorru fi ħdan il-partiti politiċi rispettivi. Dan fid-dawl tal-kunflitti interni f’taħlita ta’ personalitajiet u pożizzjonijiet.
Aktar u aktar meta tara żewġ fatturi, l-ewwel l-individwaliżmu qawwi li tirrenja u tiddomina fil-kampanji elettorali fejn kull persuna huwa għal rasu maqtugħ tentat jagħti bil-minkebb lil dawk li huma fil-partit tiegħu stess biex jirbaħ, u fit-tieni fil-politika żbaljata ta’ dawk li meta jmexxu minflok jaraw il-partit magħmul minn bnedmin varji jaqblu jew ma jaqblux miegħu minflok jagħżlu li jingħataw l-aktar importanza dawk li huma ‘miegħu’.
Ninnotaw aktar f’dan il-kunflitt diġà bnedmin varji li servew fl-eżekuttiv tal-pajjiż li però għal xi raġuni jew oħra ngħataw x’jifhmu li ma għandhomx possibbiltà li jidħlu lura. Parti integrali mill-partiti imma kunsidrati barra minnu.
Pendlu
F’dan il-kuntest minflok qed nieħdu ħsieb li mmorru lejn ċentru moderat ta’ naħa jew oħra hemm tentazzjonijiet oħra. Flok niftakru li għalkemm dawk wara Lancaster kienu ħomor u ta’ York bojod, ir-rebbieħa finali Tudor għaqdu ż-żewġ ward.
Kif Francesco Rutelli (1954) politiku li serva fuq ix-xellug li ġie aktar lejn iċ-ċentru ddikjara hemm il-biża’ li l-politika tal-estrem ta’ dawk li minflok għandhom programm ideoloġiku jiddikjaraw il-preżenża tagħhom; “Esisto quando ti combatto e esisto quando ti odio”. (Neżisti meta nikkumbattik neżisti meta nobgħodok). Irridu f’dan nifhmu aktar kemm d-demokrazija titlob aġir tajjeb mingħandna. Nifhmu ukoll kemm dawk li jkunu jidhru l-aktar b’saħħithom jitilfu huma wkoll il-poter. Lezzjoni fil-politika li kif Viktor Orban (1963) qiegħed fl-Ungerija jagħraf kif isseħħ il-bidla bl-użu tar-raguni. Irridu aktar f’dan nikkumbattu propju li mmorru b’xi mod lura lejn il-kuntesti u l-mentalitajiet ta’ dak li ġabu ’l hekk magħrufa, Wars of the Roses.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 14 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

