Lokali Qorti

Raġel jinżamm arrestat wara li allegatament ħataf u seraq lil persuni li kien jiltaqa’ magħhom online

Raġel ta’ 25 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie akkużat b’numru ta’ reati, fosthom li kkawża ġrieħi gravi, ħtif, serq aggravat u li weġġa’ żewġ uffiċjali tal-pulizija.Huwa allegatament kien iħajjar il-vittmi permezz tas-sit Grindr biex jiltaqa’ magħhom, u mbagħad jattakkahom u jisirqilhom flushom.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Nathan Magri, li qal li m’għandux impjieg, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-każ jmur lura għall-1 ta’ Jannar 2026, għall-ħabta tal-5.30am, meta l-pulizija sabu vittma minnhom fi stat ta’ xokk u bid-demm ħiereġ minn diversi partijiet ta’ ġismu qrib ir-residenza tal-akkużat.
Aktar tard, il-vittma qal li kien iltaqa’ mal-akkużat fuq Grindr u li mar id-dar tiegħu sabiex “jieħdu gost”.
Wara li kellhom kuntatt sesswali, il-vittma qal li nżamm kontra r-rieda tiegħu u ġie mhedded u mġiegħel biex jħallas xi flus.

Meta rrifjuta, l-akkużat ipprova wkoll jeħodlu l-mowbajl.Il-vittma rnexxielu jaħrab. Huwa qal li ra żewġ persuni oħra fid-dar.Il-pulizija fetħu investigazzjoni u talbu wkoll informazzjoni lill-kumpanija Grindr dwar l-akkużat.It-tieni vittma rrakkontat każ simili.Huwa qal li ltaqa’ mal-akkużat fuq l-istess app u mar fir-residenza, iżda beda jissuspetta li kien hemm xi ħaġa ħażina meta nnota li l-persuna li ra kienet differenti għalkollox mill-persuna li kien hemm fir-ritratti tal-profil.Meta pprova jitlaq, allega li l-bieb ingħalaq u li ġie mhedded u attakkat.Billi beża’ li seta’ joqtlu, qal lill-akkużat li kellu €40 fil-kont bankarju.
Huwa ttieħed sal-ATM qrib il-knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fejn ġibed il-flus u tahom lill-akkużat, u mbagħad tħalla jitlaq.Il-qorti semgħet ukoll kif l-akkużat irreżista l-arrest bil-kbir.

Meta l-pulizija ppruvaw jaqbduh, huwa allegatament ħarab, tela’ fuq is-saqaf tar-residenza u qabeż għoli ta’ tliet sulari għal isfel.Aktar tard, meta l-pulizija reġgħu marru fir-residenza tiegħu, kellhom jidħlu bil-forza u jużaw taser biex jikkontrollawh.Żewġ uffiċjali ġarrbu ġrieħi ħfief waqt l-arrest.
Huwa jinsab mixli wkoll li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li wettaq reati waqt perjodu ta’ probation.Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia u l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera