Il-Ministru Anton Refalo għal darb’oħra reġa’ dawwar il-verżjoni tiegħu b’rabta mal-villa fil-Qala li spiċċat taħt il-lenti internazzjonali.
Dan hekk kif wara li mal-ġurnalisti Taljani sostna li d-dar kienet tiegħu, u sussegwentament mal-gazzetti lokali spjega li d-dar kienet ilha mikrija għandu mill-2002, issa qalilna li l-kirja spiċċatlu fl-2018.
Anton Refalo spjega li kien għalhekk li l-kirja mhux irreġistrata mal-Awtorità tad-Djar, filwaqt li insista li għadu jokkupa din il-villa għaliex ħadd ma qallu biex jiżgombra.
Il-ġurnalisti preżenti staqsewh sabiex jippubblika d-dokumenti kollha meħtieġa b’rabta mad-dar.
Madanakollu l-Ministru Anton Refalo baqa’ skomdu biex iwieġeb jekk hux se jippubblikahom jew le.
Fejn l-ewwel insista li d-dokumenti tahom lil kmamar tal-aħbarijiet oħrajn, u sussegwentament indika lill-ġurnalisti biex iqabbdu nutar – minkejja li qal m’għandux problema li l-ġurnalisti jarawhom.
Anton Refalo insista wkoll li kien hu stess li avviċina lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u mhux viċi versa; fejn skont il-Ministru l-istess Gafà qallu li m’għandux għalfejn jinvestigah.
Dan kollu ħareġ wara li programm investigattiv fuq ir-Rai 3 rċieva ittra anonima fejn fost l-oħrajn rabtu indirettament lill-Ministru Anton Refalo ma’ dar fejn allegatament kien joqgħod il-kap tal-mafja Totò Riina.
Intant, Refalo qalilna li se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss għad-detriment ta’ uċuh ġodda li wrew ix-xewqa li joħorġu mal-Labour fit-13-il distrett.
Jibqa’ l-fatt li sal-lum għadna mingħajr dokumenti dwar din il-villa; bl-aħħar verżjoni tkun li l-kirja b’rabta ma’ dan il-post spiċċatlu fl-2018 waqt li nħela f’attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor.
//= $special ?>
