Lokali Qorti

Tribunal iħassar deċiżjoni kontra sewwieqa minħabba nuqqas proċedurali

It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ippresedut mill-Maġistrat Claudio Zammit, iddeċieda li jħassar deċiżjoni meħuda mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta kontra Karen Agius, wara li sab li ma ġietx segwita l-proċedura korretta skont il-liġi.

Il-każ beda meta l-Awtorità talbet lir-rikorrenti tirritorna l-liċenzja tas-sewqan u t-tag ta’ xufier fi żmien ħamest ijiem, wara rapport mill-Isptar Mater Dei li kien jindika li ma kinitx f’qagħda li ssuq b’mod sigur. Dan wara inċident tat-traffiku u allegazzjonijiet relatati ma’ użu kroniku tal-alkoħol.

Karen Agius ikkontestat din id-deċiżjoni, u sostniet li ma ngħatatx opportunità tippreżenta l-verżjoni tagħha qabel ma ttieħdet l-azzjoni kontriha. Hija qalet ukoll li ma ġietx infurmata b’mod ċar bir-raġunijiet wara d-deċiżjoni.

Min-naħa tagħha, l-Awtorità argumentat li kienet fid-dmir tagħha tieħu azzjoni immedjata fl-interess tas-sigurtà pubblika, fid-dawl ta’ informazzjoni li rċeviet mill-isptar li kienet tindika li r-rikorrenti kienet ilha tidħol l-Emerġenza diversi drabi minħabba intossikazzjoni u li kienet qed issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Madankollu, it-Tribunal osserva li minkejja s-serjetà tal-allegazzjonijiet, l-Awtorità naqset milli ssegwi pass kruċjali fil-proċess: jiġifieri li tagħti lill-appellanta ċans twieġeb fi żmien stipulat qabel ma tittieħed deċiżjoni finali, kif titlob il-liġi.

Għaldaqstant, it-Tribunal ma daħalx fil-mertu tal-każ innifsu, iżda ddeċieda li jħassar id-deċiżjoni fuq bażi proċedurali u jordna li l-każ jerġa’ jiġi kkunsidrat mill-Awtorità wara li tingħata opportunità ġusta lir-rikorrenti biex tinstema’. L-ispejjeż tal-każ ġew imposti fuq l-Awtorità.