Bayern Munich huma l-avversarji taċ-champions renjanti Paris Saint Germain wara li fl-Allianz Arena eliminaw lil Real Madrid. It-tim ta’ Vincent Kompany ħareġ rebbieħ 4-3 wara li ġimgħa ilu kienu għelbu lill-Ispanjoli 2-1 f’Estadio Santiago Bernabeu.
Real Madrid fetħu l-iskor fl-ewwel sekondi tal-logħba meta Arda Güler ħa vantaġġ minn passaġġ ħażin ta’ Manuel Neuer u xeħet f’xibka vojta b’xutt mill-ewwel. Reazzjoni immedjata ta’ Bayern Munich li ġabu d-draw fis-sitt minuta b’korner ta’ Joshua Kimmich lejn Aleksandar Pavlovic li skorja b’daqqa ta’ ras minn kważi fuq il-linja, f’sitwazzjoni li l-gowlkiper Andriy Lunin iġorr responsabbiltà.
Il-Madrileni reġgħu marru fuq quddiem fid-29 minuta. Reġa’ kien Arda Güler li din id-darba għeleb lil Neuer bi free-kick pinġut, xutt li Neuer seta’ biss imiss wara li l-ballun qabeż il-linja. Madankollu Real Madrid reġgħu ma gawdewx fit-tul il-vantaġġ għaliex Bayern Munich ġabu d-draw disa’ minuti wara. Din id-darba kien passaġġ intelliġenti fil-kaxxa tad-difensur Dayot Upemecano lejn Harry Kane li kkontrolla l-ballun u għeleb lil Lunin b’xutt għar-rokna.
Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor qabel tmiem l-ewwel taqsima. Real Madrid skorjaw it-tielet gowl u reġgħu llivellaw il-konfront. Spikka kontrattakk ta’ Vinicius Junior li minn fuq ix-xellug sab lil Kylian Mbappe b’mod preċiż, bl-attakkant Franċiż ikkontrolla u għeleb lil Neuer b’xutt fil-baxx.
L-iżvolta tal-logħba seħħet lejn tmiem il-logħba meta s-sostitut Eduardo Camavinga ġie muri żewġ karti sofor fit-78 u t-86 minuta, bit-tieni karta safra twassal għal diversi protesti mill-plejers ta’ Real Madrid.
Bayern Munich ħadu vantaġġ mis-superjorità numerika u ġabu d-draw fid-89 minuta b’xutt sabiħ ta’ Luis Diaz li ġie mxellef ftit qabel daħal fix-xibka. B’Real Madrid issa fil-bżonn ta’ gowl, tefgħu kollox fuq l-attakk iżda kienu Bayern Munich li mhux biss aċċertaw il-kwalifikazzjoni iżda rebħu l-logħba fil-95 minuta b’xutt għar-rokna ta’ Michael Olise.
Fil-logħba l-oħra, Arsenal straħu fuq ir-rebħa fil-Portugall ta’ 1-0 biex avvanzaw għas-semifinali u jilagħbu kontra Atletico Madrid. Arsenal kienu ġejjin minn telfa fil-kampjonat kontra Bournemouth u fi tmiem il-ġimgħa jilagħbu l-logħba importanti fil-Premier League kontra Manchester City.
Għalkemm ikkwalifikaw, il-prestazzjoni ta’ Arsenal ma kinitx eċċezzjonali b’xutt wieħed fil-lasta. Sporting dehru aktar attivi bl-għan li jirkupraw il-gowl żvantaġġ li sofrew lejn tmiem l-ewwel logħba u resqu l-aktar viċin minn Geny Catamo li laqat il-lasta lejn tmiem l-ewwel taqsima.
UEFA Champions League
Riżultati
Arsenal v Sporting 0-0
(Arsenal għaddew b‘aggregate ta’ 1-0)
Bayern Munich v Real Madrid 4-3
(Bayern Munich għaddew b’aggregate ta’ 6-4)
//= $special ?>

