Sport Sport Ieħor

Carlos Alcaraz jirtira mill-Open ta’ Barcelona

(Ritratt: EPA)

Carlos Alcaraz irtira mill-Open ta’ Barcelona minħabba li weġġa’ l-polz. L-Ispanjol ta’ 22 sena elimina lill-Finlandiż Otto Virtanen fl-ewwel rawnd jumejn ilu iżda ma ħassux komdu waqt il-konfront. Alcaraz kien mistenni li għada jilgħab kontra Tomas Machac iżda ħa d-deċiżjoni li ma jkomplix f’din il-kompetizzjoni wara testijiet mediċi fuq il-polz tal-lemin.

Alcaraz qal li ħass l-uġigħ waqt il-logħba u wara testijiet li sarulu, sar jaf li l-problema fil-polz hi aktar serja milli stennew. Għaldaqstant ħa d-deċiżjoni li jirtira mill-kompetizzjoni biex ma jħallix effett fit-tul fuq ġismu.

L-Ispanjol jittama li jilħaq jirkupra biex jikkompeti fl-Open ta’ Franza bit-tama li jirbaħ ir-Roland Garros għat-tielet sena konsekuttiva. It-turnew jibda fit-18 ta’ Mejju. Alcaraz kien irritorna għal-logħob 48 siegħa biss wara li tilef il-finali kontra Jannik Sinner fil-finali tal-Masters ta’ Monte-Carlo, finali li fissret li Sinner irritorna fil-quċċata tar-rankings għall-ewwel darba minn Novembru.

Din hi t-tieni darba fl-aħħar tliet snin li Alcaraz ġie sfurzat jirtira minn dan it-turnew wara li kien rebaħ l-Open ta’ Barcelona fl-2022 u fl-2023 kif ukoll kien tilef il-finali s-sena l-oħra.