“Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jaħdem id f’id man-negozji bil-għan li jkunu jistgħu jkomplu jespandu l-operat tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li kellu l-Erbgħa filgħodu għand il-kumpanija Alf Mizzi & Sons fejn ra mill-qrib il-ħidma estensiva li ssir jum wara l-ieħor minn din l-intrapriża.

Fil-bidu ta’ din iż-żjara, Alex Borg ġie milqugħ mit-tmexxija u d-diriġenti ta’ din il-kumpanija fejn spjegawlu kif propju beda l-operat u kif kiber b’mod sostanzjali matul is-snin fejn anke espandew l-operat barra minn xtutna.



Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma bosta ħaddiema li lkoll spjegawlu l-ħidma tagħhom, filwaqt li tkellem ukoll mal-impjegati li jaħdmu fil-warehouse.




F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem id f’id man-negozji sabiex ikunu jistgħu jkompli jinvestu fil-ħaddiema kif ukoll biex ikomplu jespandu l-operat tagħhom.
It-tmexxija ta’ din il-kumpanija spjegat li ta’ kuljum ikollhom mal-elf delivery – filwaqt li preżentament qed jaħdmu fuq numru ta’ proġetti biex ikomplu jsaħħu l-operat.



Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Stanley Zammit u Joe Giglio kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Selvaggi.


