“Il-PN irid li pajjiżna jkollu Ministru esklussivament għall-isport. Din il-wegħdha hi l-akbar konferma u garanzija li Gvern ġdid Nazzjonalista, se jibqa’ jinvesti f’dan is-settur.”
Alex Borg tkellem dwar din il-wegħda waqt żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu, fil-Mediterranean College of Sport – kulleġġ li jilqa’ fiħ studenti tal-Primarja u Sekondarja u li sar mill-privat, mill-kumpanija Vassallo Group; bl-akbar investiment finanzjarju li qatt sar mill-privat fl-isport f’pajjiżna.

Waqt din iż-żjara, Alex Borg kien milqugħ minn Natalie Briffa Farrugia, Chairperson ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo, Chairman tal-Kulleġġ u Kap Eżekuttiv ta’ Vasallo Group, Charlo Bonnici, Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, Mariuccia Fenech, il-Kap tal-Iskola, George Micallef, Direttur tal-Iżvilupp tal-Isport u r-Reklutaġġ tal-Kulleġġ u persuni oħra fit-tmexxija tal- Mediterranean College of Sport.





Alex Borg, li kien akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti, David Agius, Ryan Callus u Justin Schembri kif ukoll mill-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Dione Borg, kellu l-opportunità li jara l-investiment state-of-the-art, li sar f’dan il-kulleġġ.





Charlo Bonnici, f’isem Vassallo Group, tkellem dwar kif dan il-proġett privat, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, tfassal fuq il-viżjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, li dalwaqt tagħlaq 15-il sena u li minnha f’dawn l-aħħar snin ħarġu uħud mill-aqwa atleti f’diversi dixxiplini sportivi li għamlu unur lil Malta.
Waqt iż-żjara tiegħu fil-kulleġġ, Alex Borg, apparti li iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ dan il-kulleġġ, kellu l-opportunità li jitkellem u jisma’ l-aspirazzjonijiet tal-istudenti, filwaqt li ma naqsux mumenti ħelwin, fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, sab il-ħin jilgħab snooker mal-istudenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, faħħar il-kuraġġ li l-kumpanija Vassallo kellha biex investiet f’dan il-proġett li qed jagħti l-frott, u fakkar fuq il-legat li ħalla l-Partit Nazzjonalista, meta kien fil-Gvern, bit-twaqqif tal-Iskola Nazzjonali tal-isport.
Alex Borg, reġa’ tenna l-impenn tiegħu li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħti importanza akbar lill-isport, u li fiż-żmien li ġej, se jkunu qed jitħabbru l-proposti elettorali maġġuri marbuta mal-isport.
//= $special ?>
