Lokali

Il-Prim Ministru jidher li mhux komdu bix-xhieda ta’ Chris Fearne

Il-Prim Ministru Robert Abela ma tax saħħa lix-xhieda tal-backbencher Laburista u eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Dan wara li tul il-jum tat-Tnejn, Fearne xehed fil-Qorti kif f’Jannar tal-2020, ċioè wara li tilef l-elezzjoni għal Mexxej Laburista proprju ma’ Robert Abela, hu kien qal lill-istess Abela biex jinħall mill-kuntratt ma’ Steward Healthcare għaliex id-deal tal-isptarijiet ma kienx sew – ironikament wara li fuq ix-Xandir tal-Istat kien qalilna li dan kien the real deal.

Fearne stess xehed kif wara li saret analiżi ħareġ fid-deher li l-istess Gvern Laburista kien intrabat li ladarba jxolju l-kuntratt kellhom iħallsu lill-barranin mal-€100 miljun – fatt li jfisser li lanqas il-Gvern stess ma kien jaf x’għamel l-istess Gvern. Sfaċċatament huwa ċar li l-Kabinett ħeba mill-poplu u ġie jaqa u jqum mill-interessi tal-pajjiż għal snin sħaħ.

Madanakollu l-Prim Ministru xorta waħda baqa’ jiddefendi lill-privat fl-awli tal-Qorti fil-kawża li kien fetaħ ix-Shadow Minister Adrian Delia biex sussegwentament l-pajjiż ħa lura l-isptarijiet.

Dan filwaqt li l-Awditur Ġenerali kien ppubblika żewġ rapport jisħaq li kien hemm xi ħaġa ħażina b’rabta ma’ dawn il-kuntratti; madanakollu l-Gvern xorta waħda baqa’ ma għamel xejn.

Mistoqsi għalfejn baqa’ jiddefendihom qabel mal-poplu ħa l-isptarijiet lura, Robert Abela baqa’ jiċħad li għamel dan – minkejja li huwa fatt li rappreżentanti tal-Gvern kienu qed jiddefendu lill-barrani.