Il-plejer tal-futbol Malti Jurgen Pisani appella mis-sentenza ta’ 15-il xahar ħabs li ngħata wara li nstab ħati ta’ tentattiv ta’ korruzzjoni marbut ma’ logħba mill-kampjonat Premier bejn Santa Luċija u Birkirkara, li ntlagħbet fit-3 ta’ Mejju 2024. Għaldaqsrant sakemm jiġi deċiż l-appell huwa mhux qed ikun qed jiskonta l-piena.
Il-każ ħareġ wara li l-Malta Football Association bdiet investigazzjoni meta l-plejer ta’ Birkirkara Maxuell Maia informa lill-President tal-klabb li Pisani kien offrilu €2,000 biex ma jilgħabx tajjeb jew ma jiskorax waqt il-logħba. F’dak il-mument, Birkirkara kienu diġà kkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej, filwaqt li Santa Luċija kellhom bżonn rebħa biex jevitaw ir-relegazzjoni. Il-partita ntemmet fi draw ta’ 2-2.
Minkejja li Pisani kien għadda minn proċeduri dixxiplinarji quddiem l-MFA u kien illiberat, kif ukoll il-klabb ta’ Santa Luċija, il-każ kompla quddiem il-Qorti kriminali. Pisani, ta’ 33 sena, li aktar tard ingħaqad ma’ Żabbar Saint Patrick, kien ċaħad l-akkużi kemm fl-interrogazzjoni tal-Pulizija kif ukoll fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, fejn sostna li ma kien hemm xejn suspettuż fil-logħba u ċaħad li kien hemm xi ftehim biex tiġi manipulata r-riżultat.
Ix-xhud ewlieni fil-każ kien Maxuell Maia, li xehed li waqt il-logħba Pisani offrilu €2,000 biex ma jiskorax. Huwa żied li plejer ieħor ta’ Santa Luċija, Steve Pisani, kien ukoll talbu biex ma jiskorax, iżda mingħajr ma offrilu flus. Maia ġie deskritt mill-Qorti bħala xhud kredibbli u onest, partikolarment minħabba li rrapporta l-każ minnufih lill-President ta’ Birkirkara.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet id-difiża li Maia seta’ fehem ħażin minħabba diffikultajiet fil-lingwa Ingliża, u rreferiet ukoll għal chats fuq WhatsApp bejn Jurgen Pisani u Steve Pisani, li ma emmnitx li tħassru għal raġunijiet innoċenti kif sostna l-akkużat. Il-Qorti qieset li ż-żewġ plejers ippruvaw jużaw il-familjarità tagħhom ma’ Maia biex jinfluwenzaw il-logħba u jgħinu lil Santa Luċija jevitaw ir-relegazzjoni, iżda Maia għażel li jżomm mal-integrità sportiva tiegħu.
Fid-dawl tal-provi, il-Qorti sabet lil Jurgen Pisani ħati u kkundannatu 15-il xahar ħabs. Minbarra dan, ġiet ordnata interdizzjoni perpetwa ġenerali minħabba li Pisani kien uffiċjal pubbliku impjegat bħala supply teacher mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sport. Il-Qorti wkoll skwalifikatu milli jipparteċipa f’attivitajiet sportivi għal perjodu ta’ 10 snin u ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Steve Pisani.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Rodney Borg. Pisani issa appella mis-sentenza, u l-każ se jkun eżaminat mill-Qorti tal-Appell. Għal Pisani dehru l-Avukati Edward Gatt u Ian Micallef.
//= $special ?>

