Lokali

Kritika qawwija għall-fatt li Anton Refalo baqa’ jokkupa l-villa wara li skada l-kuntratt

“Squatter.” “Kulħadd b’xortih.” “Qatt ma smajt b’nies li jiġrilhom hekk fil-kirjiet.” “Abitant illegali.”

Dawn kienu biss ftit mill-kummenti taħt il-vidjows u l-posts ta’ Net News li urew kif il-Ministru Refalo iddikjara li l-kuntratt tal-kera tal-villa f’Għawdex skadielu 8 snin ilu, fl-2018 – fejn ammetta li hu għadu joqgħod fir-residenza “għax ħadd ma qallu itlaq ‘l barra”.

U propju għalhekk, in-nies qed jiddiskrivu lill-Ministru Refalo bħala abitant illegali – squatter.

Madanakollu, kien hemm min anke skanta kif dawn l-affarijiet jiġru biss lill-Ministri; b’referenza għall-fatt li l-eks Ministru Roderick Galdes akkwista duplex penthouse bl-arja, u garaxx f’Għawdex għal 140,000 ewro. Filwaqt li issa sar magħruf li Refalo, għandu villa b’kuntratt li ilu skadut mill-2018.

Fil-fatt, persuna spjegat li kulħadd b’xortih għaliex qatt ma rat persuni li jaħdmu u li jaqlawha u jiekluha li rnexxielhom jibqgħu f’villa mingħajr ma jħallsu l-ebda kirja. Hekk kif persuni ddikjaraw li l-Ministru messu jistħi, u li messu ħalla din ir-residenza għal dawk in-nies li lanqas għandhom saqaf fuq rashom.

Fejn anke kien hemm persuni li wrew id-dispjaċir tagħhom, għall-eżempju ħażin li qed jagħti liż-żgħażagħ u finalment lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dwar dan Net News tkellem ma’ numru ta’ esperti tal-liġi u illi spjegaw li – jekk skont dak li qed jgħid il-Ministru Refalo huwa minnu – u cioè li kera din il-villa 9 snin wara l-1993 – il-kuntratt kien iffirmat wara l-1995.

Skont dawn l-esperti, saru tibdil fil-liġijiet Maltija li jirrikjedu li ġaladarba kuntratt ikun iffirmat wara l-1995, u jiskadi, irid jiġi ffirmat kuntratt ġdid fejn ikun indikat illi l-abitant ikollu d-dritt ta’ estensjoni – right of renewal.

Bl-esperti jispjegaw li ġaladarba, il-kuntratt tal-Ministru Refalo skada fl-2018 – dejjem skont dak li qed jgħid hu – fl-2018 kellu jsir kuntratt ieħor bejn Refalo u s-sid tal-villa li jindika li Anton Refalo għandu right of renewal, sabiex il-Ministru jkun jista’ jibqa’ jikri din il-villa.

Iżda ġaladarba, dan ma sarx, il-Ministru Refalo huwa ddikjarat bħala abitant illegali – squatter, kif fil-fatt qed jiddikjaraw in-nies.