Il-proġett biex jiġu riġenerati l-faċilitajiet tal-Malta Football Association f’Ta’ Qali ġew approvati unanimament waqt l-Assemblea Ġenerali li saret ilbieraħ filgħaxija fis-Sala taċ-Ċentinarju. Il-Viċi President tal-MFA Matthew Paris li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Immodernizzar tal-Istadium Nazzjonali, ippreżenta quddiem il-membri, l-elementi importanti tal-proġett imsejjaħ City of Football.
F’messaġġ quddiem rappreżentanti tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri, Matthew Paris qal li jeżisti qbil wiesgħa li wasal iż-żmien li l-MFA tinvesti fid-dar tagħha wara snin tagħti appoġġ u ssostni l-proġetti infrastrutturali tal-membri tagħha.
Il-proġett idur ma’ tliet pilastri strateġiċi. Dawn huma l-immodernizzar u r-rikostruzzjoni parzjali tal-Istadium Nazzjonali u l-madwar, it-tkabbir fil-kapaċità għall-ispettaturi tas-Centenary Stadium kif ukoll il-bini ta’ stadium dedikat għall-futbol taż-żgħażagħ kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
Il-proġett tal-Istadium Nazzjonali se jinkludi l-bini mill-ġdid tal-West Stand, is-South Stand u n-North Stand li fosthom jinkludu l-ħolqien ta’ arena tal-futsal, lukanda sportiva, stabbilimenti kummerċjali kif ukoll titjib fil-Millennium Stand u ż-żoni tal-madwar.

Il-bini ta’ stadium dedikat għall-futbol taż-żgħażagħ hu ppjanat li jsir fejn fil-preżent jeżisti l-Parking tal-West Stand, liema parkeġġ isir taħt l-art u jilqa’ madwar 300 karozza filwaqt li dan l-istadium ikun jista’ jilqa’ fih 2,000 spettatur.
L-immodernizzar tas-Centenary Stadium għandu jwassal biex ikun jista’ jilqa’ fih 2,500 spettatur. F’dan il-proġett kbir mistenni jkun inkluż faċilità tal-Beach Soccer fin-National Football Centre.
Wara l-konferma fl-Assemblea Ġenerali, il-Malta Football Association se tipproċedi għall-fażijiet li jmiss f’dan il-proġett importanti. Dawn huma l-estensjoni tat-titlu legali għall-faċilitajiet f’Ta’ Qali minn 20 għal 65 sena bl-appoġġ ta’ SportMalta.
Il-proġett imbagħad jiġi ppreżentat formalment lill-Gvern u l-Parlament biex fl-istadju ta’ wara jiġu ngaġġati l-esperti tekniċi li jinkludu l-konsulenti legali, l-arkitetti u l-inġiniera. Wara jkun imiss li ssir l-istruttura biex il-proġett ikollu l-finanzjament meħtieġ u tinħoloq il-Fondazzjoni Ta’ Qali. Dan il-proġett għandu l-appoġġ kemm tal-Prim Ministru kif ukoll tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.
//= $special ?>

