Ambjent Lokali

“L-ispazji miftuħa parti integrali mill-infrastruttura” – Alex Borg

“L-ispazji miftuħa mhumiex hemm għall-estetika iżda huma parti integrali mill-infrastruttura ta’ pajjiżna dan filwaqt li jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’artiklu li kiteb fuq LovinMalta fejn enfasizza fuq l-importanza ta’ aktar spazji miftuħa f’pajjiżna u inqas kostruzzjoni.

Alex Borg spjega li f’dawn l-aħħar snin pajjiżna imtela bil-bini bil-konsegwenza li naqqsu ferm l-ispazji miftuħa dan apparti l-fatt li kaġun ta’ din il-kostruzzjoni kollha l-arja ta’ pajjiżna iddgħajfet fil-kwalità.

Huwa qal li fejn il-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jaġixxi kien l-poplu Malti u Għawdxi flimkien mal-attivisti li semmgħu leħinhom u insistew li l-well-being u l-kwalità tal-ħajja mhumiex għażla iżda huma fundamentali fil-ħajja tal-bniedem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spejga li Gvern Laburista wiegħed numru ta’ proġetti marbuta ma’ spazji miftuħa iżda l-maġġoranza baqgħu fuq l-ixkaffa fosthom li Triq Sant’ Anna fil-Furjana tinbidel fi ġnien bit-traffiku jgħaddi minn taħt it-triq, dan apparti li anke proġetti f’Ħamrun, f’Santa Venera u San Ġwann ukoll baqgħu fuq l-ixkaffa.

Alex Borg aċċenna li l-proġetti li tħabbru f’Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell ma kinux frott ta’ viżjoni fit-tul iżda saru grazzi għall-pressjoni mill-pubbliku għall-aktar spazji miftuħa fejn wieħed jista’ jirrillassa kif ukoll jissoċċjalizza. Hawnhekk, huwa spjega li dawn il-proġetti huma l-qabża li l-poplu jrid fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn ta’ protezzjoni fit-tul għall-ambjent ta’ pajjiżna fejn fakkar li dak li għamel Gvern Nazzjonalista fl-2004 permezz ta’ Natura 2000 kien pass tajjeb iżda issa hemm bżonn ta’ aktar liġijiet li jkomplu jissalvagwardjaw l-ambjent kif ukoll il-wirt storiku ta’ pajjiżna.