Lokali

Miċħud l-ħelsien mill-arrest għal raġel akkużat b’attakki ta’ vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu

Il-Qorti ċaħdet t-talba għall-ħelsien mill-arrest għal Tuuka Petteri Aleksi Jokela ta’ 37 sena, akkużat li aggredixxa sesswalment lill-eks-sieħba tiegħu matul il-lejl.

Fit-8 ta’ April 2026, għall-ħabta tad-9am, waslet telefonata mill-Unità tal-Vjolenza Domestika. Mara rrappurtat li l-lejl ta’ qabel, l-eks sieħeb tagħha kien wasal id-dar tard waqt li hi kienet rieqda. Huwa qajjimha u allegatament beda jmiss il-partijiet intimi tagħha, jagħfas sidirha u jipprova jneħħilha l-ħwejjeġ ta’ taħt, mingħajr il-kunsens tagħha. Instema’ wkoll li f’xi ħin ipprova jifgaha b’idejha stess.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-qorti li minkejja li l-vittma talbet lill-akkużat biex jieqaf, l-attakk kompla għal madwar 20 minuta. Il-qorti semgħet kif l-allegata vittma kienet qed tgħajjat b’leħen għoli bit-tama li xi ħadd fil-viċin jisma’ u jċempel lill-pulizija. Wara 20 minuta, l-akkużat waqaf meta sema’ l-bieb iħabbat, fejn il-pulizija waslu fuq il-post wara li rċivew rapport fuq għajjat.

Meta l-akkużat sar jaf li l-vittma kienet għamlet rapport, u allegatament bagħtilha messaġġi ta’ theddid. Evidenza f’forma ta’ screenshots ntwerew, fejn Jokela jidher jgħid lill-vittma li jekk ittellgħu l-qorti, hu se “jeqred” il-karrieri tagħhom it-tnejn.

Wara li sar ir-rapport, inħareġ mandat ta’ arrest u Jokela ġie arrestat mill-post tax-xogħol tiegħu fl-14 ta’ April.

Meta l-qorti semgħet iż-żewġ naħat tal-każ, diversi inkonsistenzi ġew nnotati. Id-difiża spjegat il-verżjoni tal-akkużat li kienet differenti ħafna mix-xhieda tal-vittma.
Il-qorti semgħet kif l-allegata vittma kienet qed tgħix fid-dar tal-akkużat fil-lejl tal-inċident, fejn meta l-akkużat wasal id-dar fis-7 ta’ April, huwa sab lis-sieħba tiegħu mqajma u qalilha li kien għadda l-lejl ma’ mara oħra. Id-difiża qalet lill-qorti li kienet l-allegata vittma li laqtet lill-akkużat minħabba għira, u li dan wassal għall-ġlieda.

Wara dan, l-akkużat talab lill-vittma biex tiġbor l-affarijiet tagħha u titlaq mid-dar. Intqal ukoll li ma kienx l-ewwel darba li l-vittma hedditu li tagħmel rapport lill-pulizija kontra l-akkużat. Waqt l-investigazzjoni nstab li l-vittma ma kellhiex sinjali viżibbli ta’ ġrieħi, iżda l-akkużat kellu tbenġila viżibbli taħt għajnejh.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, inkluż li aggredixxa sesswalment lis-sieħba tiegħu mingħajr il-kunsens tagħha, uża vjolenza kontriha u żammha kontra r-rieda tagħha.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-akkużat qatt ma hedded lill-vittma. Argumentaw ukoll li ma kien hemm l-ebda raġuni dwar biża’ tal-intralċ tal-provi, peress li ġie kkonfermat li l-vittma kienet telqet mid-dar tiegħu u mhux se terġa’ tmur lura.

Minkejja dan, il-qorti emmnet li hemm biża’ tal-intralċ tal-provi, u minħabba li l-akkużat mhuwiex ċittadin Malti, in-nuqqas ta’ rabtiet tiegħu mal-pajjiż iqajjem tħassib li jista’ jaħrab jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda.

Inħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni kontra l-akkużat favur il-vittma, li se tibqa’ fis-seħħ sakemm jintemmu l-proċeduri. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici. L-avukat difensur Francois Dalli deher għad-difiża.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Sherona Buhagiar, flimkien ma’ Julia Micallef Stafrace u Diane Galea mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.