Opinjoni

Opinjoni: Qed tinħass kriżi ta’ ansjetà

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Matul is-snin Malta dejjem kienet kunsidrata bħala pajjiż trankwill u paċifiku, probabbilment minħabba l-klima mediterranja li taffettwana u minħabba t-temperament lokali li jinkludi wkoll l-istil ta’ ħajja li ngħixu.
Irridu nifhmu u naċċettaw li d-dinja qed tinbidel, u magħha Malta, anke minħabba l-politika tal-Gvern li jbiddel lil pajjiżna minn dak li konna nafuh sa għoxrin sena ilu.

Studji riċenti jikkonfermaw imma li Malta mhix dik li jpinġiha l-Gvern Laburista. Spiss nargumenta li mhux kollox huwa marbut mal-aspett finanzjarju, imma hemm ħafna aktar minn hekk.
Il-Gvern iżda jibqa’ determinat li kollox huwa flus u l-flus huma kollox. Kull argument jitlaq mill-aspett finanzjarju u jintemm hekk ukoll, sew jekk huwa marbut ma’ saħħa, ma’ edukazzjoni, ma’ traffiku u ma’ kull aspett ieħor.
Jidhirli li din hija biss viżjoni fqira, medjokri u li ma tħarisx biżżejjed ’il quddiem għaliex il-kwalità tal-ħajja tagħna għandha importanza ħafna aktar mill-aspett finanzjarju.

Pajjiżna f’dawl inkwetanti
Rapport internazzjonali riċenti u ppubblikat minn Gallup, ipoġġi lil Malta f’dawl inkwetanti fejn jidħol il-benesseri mentali tal-ħaddiema, u jqajjem mistoqsijiet serji dwar kemm verament pajjiżna huwa ambjent seren.
Skont ir-rapport ‘State of the Global Workplace’ għall-2026, aktar minn nofs il-ħaddiema Maltin – madwar 57% – jgħidu li jesperjenzaw ansjetà fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 39%, li diġà hija ftit taħt il-medja globali ta’ 40%. Fil-fatt, Malta tinsab fit-tieni post fost il-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa bl-ogħla livelli ta’ stress, wara l-Greċja li tilħaq il-61%.
Dawn iċ-ċifri ma jistgħux jiġu injorati, u għalhekk għażilt li nitkellem dwarhom. Meta wieħed iqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej bħal Ċipru (56%), l-Italja (51%) u Spanja (47%), jidher ċar li Malta mhijiex biss parti minn xejra reġjonali, iżda saħansitra qed tmur agħar minn ħafna ġirien tagħha li wkoll għandhom l-istess klima u temperament. Aktar sorpren-denti huwa l-kuntrast ma’ pajjiżi bħad-Danimarka (19%) u l-Polonja (22%), fejn il-livelli ta’ stress huma ferm aktar baxxi.

Stress u rabja
L-istress mhux biss jaffettwa l-livelli tal-ansjetà. Ir-rapport juri wkoll li 22% tal-ħaddiema Maltin jesperjenzaw livelli differenti ta’ rabja fuq il-post tax-xogħol, meta mqabbel mal-15% reġistrat b’medja fl-Ewropa. Barra minn hekk, 18% jiddikjaraw nuqqas ta’ kuntentizza, filwaqt li l-medja Ewropea hija 17%.
Għalkemm id-differenza tista’ tidher żgħira, hi indikattiva ta’ xejra negattiva konsistenti. Saħansitra anki s-solitudni fost il-ħaddiema Maltin hija ogħla mill-medja Ewropea, li turi li l-problema mhijiex biss relatata max-xogħol innifsu, iżda wkoll mal-kwalità tar-relazzjonijiet soċjali.
Madankollu, il-problema tal-istress f’Malta ma tiqafx mal-adulti, u għalhekk nibda nifhem li l-problema hija ferm aktar minn kemm tidher. F’diversi diskorsi politiċi riċenti, partikolarment fil-Parlament, urejt tħassib serju dwar il-livelli ta’ stress fost it-tfal Maltin u fis-sistema edukattiva lokali.
Diversi drabi rrimarkajt li l-istudenti tagħna qed jiffaċċjaw pressjoni kbira minħabba sistema edukattiva kompetittiva b’enfasi enormi fuq l-eżamijiet u l-introduzzjoni tal-SBAs, xogħol esaġerat li jkopri wkoll materjal li ma jkunx addattat biżżejjed u li jwassal għal nuqqas ta’ bilanċ bejn l-iskola u l-ħajja personali.
Skont dawn l-argumenti, it-tfal Maltin qed jikbru f’ambjent fejn il-ħin liberu huwa limitat, u fejn l-istress jibda minn età żgħira. Dan jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul fuq is-saħħa mentali tagħhom u jkompli jsaħħaħ ċiklu ta’ ansjetà li jkompli fl-età adulta. Jekk il-ħaddiema tal-lum huma stressjati, jista’ jkun li l-ġenerazzjonijiet futuri diġà qed jiġu preparati biex jgħixu l-istess realtajiet.
Il-fatturi ambjentali wkoll għandhom rwol kruċjali f’din il-kwistjoni. Malta hi waħda mill-aktar pajjiżi densament popolati fl-Ewropa, u dan iwassal għal pressjonijiet kbar fuq l-infrastruttura. It-traffiku, per-eżempju, huwa problema kronika.

Is-sigħat imwaħħlin fit-traffiku
Studji lokali juru li l-Maltin iqattgħu medja ta’ diversi sigħat fil-ġimgħa mwaħħlin fit-traffiku, li mhux biss jikkawża frustrazzjoni iżda jżid ukoll livelli ta’ stress qabel u wara l-ħin tax-xogħol. Malta għadha tradizzjonali wisq f’dan l-aspett, bil-karozza privata tibqa’ l-aktar mezz effettiv għall-ivvjaġġar minn post għal ieħor anke f’distanzi qosra.
Ma’ dan kollu, irrid nikkummenta wkoll fuq il-kwistjoni tan-noise pollution li qed issir dejjem aktar prominenti anke minħabba ż-żieda fil-vetturi u fl-attività kummerċjali intensa fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Anki hawn, ir-riċerka turi li l-istorbju kontinwu jista’ jżid il-livelli ta’ stress u b’hekk jikkontribwixxi għal ansjetà u problemi ta’ saħħa mentali.
Aspett ieħor importanti huwa n-nuqqas ta’ spazji miftuħa u ħodor. Meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej, Malta għandha limitazzjonijiet kbar f’dan ir-rigward. Spazji fejn wieħed jista’ jirrilassa, jagħmel eżerċizzju jew sempliċement jaħrab mill-pressjoni urbana huma limitati, irrispettivament minn dak kollu li jipprova jbellgħalna l-Gvern. Dan inaqqas l-opportunitajiet biex il-popolazzjoni ttaffi l-istress b’mod naturali.
Meta wieħed jgħaqqad dawn il-fatturi kollha – stress fuq il-post tax-xogħol, pressjoni fuq it-tfal, traffiku, storbju u nuqqas ta’ spazji miftuħa – jibda jara stampa differenti ħafna minn dik ta’ ‘MaltaAqwa’ li jrid jesponi l-Gvern.
Malta għandha kriżi ta’ ansjetà u stress u din hija kriżi siekta li qed teqridna bil-mod.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 15 ta’ April, 2026.