Victor Camilleri
Eks Editur In-Nazzjon u Il-Mument
Ir-riżultat elettorali fl-Ungerija – bir-rebħa enormi ta’ Péter Magyar u l-partit tiegħu, sieħeb tal-Partit Nazzjonalista fil-Partit Popolari Ewropew – fetaħ kapitlu li ma jistax ikun injorat minn min jinteressa ruħu fil-governanza, id-demokrazija, u l-kontabbiltà politika fl-Ewropa.
Hu mument li jqajjem riflessjoni profonda wkoll għal Malta, fejn il-politika ilha għal snin twal dominata minn sens ta’ inevitabbiltà li spiss jinbidel f’arroganza. Meta poplu jiddeċiedi li jibdel direzzjoni, il-messaġġ ikun ċar: ħadd mhu indispensabbli.
Dan il-mument għandu jservi ta’ lezzjoni konkreta, mhux biss għal min jinsab fil-gvern, iżda wkoll għall-Oppożizzjoni li trid tkun alternattiva kredibbli u serja.
• Meta poter jibqa’ fit-tul wisq f’idejn l-istess nies, hemm riskju reali li jitlef is-sens ta’ servizz u jinbidel f’sens ta’ dritt.
• Il-kultura ta’ ‘tagħna lkoll’ faċilment tinbidel f’kultura ta’ ‘tagħna biss’ fejn l-opportunitajiet jingħataw lill-ħbieb u lill-ħbieb tal-ħbieb.
• Il-korruzzjoni tikber, każ wara każ, sakemm issir sistema.
F’dan il-kuntest, dak li ġara fl-Ungerija juri li l-elettorat jista’ jqum fuq saqajh u jgħid: BIŻŻEJJED. Mhux b’rabja biss iżda b’għażla demokratika li tibgħat sinjal qawwi lill-klassi politika.
Aspett ieħor
Imma hemm ukoll aspett ieħor li ma jistax ikun injorat… kif jirreaġixxu mexxejja populisti meta jħossu li qed jitilfu l-art minn taħt saqajhom.
• Meta l-appoġġ jibda jmajna, jingħata bidu wkoll għal attentat sistematiku biex tinxtara l-lealtà.
• Il-politika tinbidel minn viżjoni għal tranżazzjoni fejn kollox ikollu prezz.
• Jiżdied l-użu tal-istat biex jissaħħu strutturi ta’ kontroll u influwenza.
• Is-sondaġġi jsiru għodda ta’ manipulazzjoni aktar milli riflessjoni tal-opinjoni pubblika. Fl-Ungerija, il-manipulazzjoni permezz ta’ sondaġġi sfaċċatament mixtrija, baqgħet sejra sal-aħħar jum anki quddiem fatti ċari u kredibbli li kienu se jkunu ħafna, maġġoranza bla preċedent fl-istorja politika riċenti tal-pajjiż, li se jdawru wiċċhom lil hemm minn dak li mexxiehom, u abbuża minnhom, għal 16-il sena sħaħ.
• Ix-xandir pubbliku jitbiegħed mill-obbligu tiegħu ta’ imparzjalità u jsir megafonu tal-poter.
• Anki mezzi privati jew mhux tal-istat – b’mod speċjali f’kampanja elettorali, jew ftit qabel – ‘jinxtraw’ biex jinħoloq ambjent ta’ narrativa waħda.
Dawn huma realtajiet li mhumiex barranin għal Malta u Għawdex. Għalkemm f’kuntest differenti, il-mekkaniżmi huma simili u l-konsegwenzi jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa tad-demokrazija.
Ir-rwol tal-Oppożizzjoni
Hu propju hawn fejn jidħol ir-rwol tal-OPPOŻIZZJONI. Il-Partit Nazzjonalista, bħala parti minn familja Ewropea usa’, għandu obbligu li mhux biss jikkritika iżda li jippreżenta alternattiva li tagħti tama u fiduċja, kif qed jagħmel kuljum, kull ħin, il-Kap Nazzjonalista ALEX BORG.
• L-elettorat ma jfittixx biss min għandu raġun iżda wkoll min jista’ jmexxi aħjar.
• Il-kredibbiltà tinbena bil-konsistenza mhux biss bil-kliem.
• Il-valuri Ewropej ma jistgħux jibqgħu slogan, iridu jkunu tradotti f’azzjoni konkreta.
• L-għaqda interna hi kundizzjoni essenzjali biex tintrebaħ il-fiduċja tal-poplu.
Il-lezzjoni ewlenija hi waħda sempliċi iżda qawwija: id-demokrazija taħdem meta ċ-ċittadini jemmnu li l-vot tagħhom jagħmel differenza … u jagħmel differenza anki meta jista’ jidher li s-sistema hi wisq b’saħħitha biex tinbidel.
Mill-Ungerija għal Malta, il-messaġġ hu wieħed ta’ tama iżda wkoll ta’ responsabbiltà. Il-poplu għandu s-setgħa li jbiddel iżda l-politiċi għandhom id-dmir jisimgħu qabel ikun tard wisq.
It-tagħlima ewlenija ta’ dan kollu hu li, fl-aħħar mill-aħħar, l-istorja turina li l-arroganza u l-abbuż tal-poter dejjem għandhom skadenza.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 15 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

