Sakemm kien qed jistenna l-assistenza medika, l-imputat kien kalm u baqa’ ipejjep sigarett…. filwaqt li l-allegat vittma kien qed jittieħed lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Din l-informazzjoni ħarġet minn xhieda li ngħatat waqt il-ġuri b’rabta mal-omiċidju li seħħ f’Marsalforn lura fl-2022 – ġuri li beda din il-ġimgħa.
Fix-xhieda li ngħatat matul il-jum tat-Tlieta ġie spjegat kif il-Pulizija li waslu fuq ix-xena tar-reat, sabu lill-allegat agressur Fawaz Aljasem bilqegħda barra r-residenza…. ferut, imma kalm. Tant li kien qed ipejjep sigarett.
L-uffiċjali anke spjegaw li kien hemm sinjali ċari li seħħet ġlieda, fosthom għamara mkissra u anke oġġetti mxerrdin mar-residenza. Huma wettqu diversi tfittxijiet fl-inħawi u ma rnexxielhomx isibu arma definittiva li ntużat biex qatlet lil Maher Najem, għalkemm instabet sikkina li l-esperti ma setgħux jorbtu mad-delitt.
Fix-xhieda ħareġ ukoll li persuni li kienu preżenti waqt il-ġlieda rrakontaw kif dakinhar grupp ta’ rġiel daħlu fir-residenza, b’wieħed minnhom ikun armat b’pipe tal-ħadid u li dan beda jaggredixxi lil dawk li kienu ġewwa, sakemm wieħed intilef minn sensieh.
Il-każ imur lura għall-Mejju tal-2022, meta ġlieda li seħħet f’post pubbliku, eskalat tant li allegatament Fawaz Aljasem spiċċa qatel lil Maher Najem f’residenza fi Triq il-Wied Marsalforn.
//= $special ?>

