Lokali

Robert Abela ma sabx ċans jattendi attività taż-Żgħażagħ Laburisti

Vidoes fuq videos, posts, posters, intervisti, propoganda u saħanistra wegħda għaż-żgħażagħ li l-proposti li jressqu setgħu ikun implimentati fil-Manifest tal-Labour.

Dan sabiex jattendu attività li kienet parti mill-Kungress li qed jagħmel il-Partit Laburista; biex din spiċċat tħassret siegħa biss qabel ma kellhom jiltaqgħu ż-Żgħażagħ Laburisti u dawk li kellhom jattendu – attività li tħassret b’sempliċi messaġġ.

Fil-fatt, messaġġ li wasal għand Net News u li ntbagħat miż-Żgħażagħ Laburisti lil dawk li applikaw għal din l-attività juri kif l-attività mħabbra b’tant pompa ‘ Pitch it to the Prime Minister’ tħassret ħesrem.

Skont il-messaġġ l-attività tħassret minħabba ċirkustanzi li kienu barra l-kontroll tagħhom.

Il-messaġġ li ntbagħat miż-Żgħażagħ Laburisti

Iżda sorsi li tkellmu ma’ Net News mill-qalba tal-Labour ikkonfermaw li kien propju l-Prim Ministru Robert Abela li ġiegħel lill-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu biex iħassru l-attività li kellha ssir fi Spazju Kreattiv – u cioè żewġ passi l-bogħod minn Kastilja – waqt li l-karozza uffiċjali tal-Prim Ministru kienet propju quddiem Kastilja.

Il-propoganda għal din l-attività kienet tant qawwija, li l-Labour kellu sensiela ta’ programmi li għamel dwar din l-attività kemm fuq is-Super One u anke r-radju Laburista. Kien hemm anke membri parlamentari li promovew din l-attività fuq il-midja soċjali fosthom Naomi Cachia u saħanistra anke l-eks Ministru Laburista Helena Dalli – dan apparti diversi posts li ttellgħu ftit sigħat qabel mil-Labour.

Fil-fatt, is-Super One, 12-il siegħa qabel ma kellha tibda l-attività, irreklama li mis-7pm ‘l quddiem kienet se sseħħ laqgħa biex iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jgħidu tagħhom. Filwaqt li ż-żgħażagħ Laburisti xeħtu post fuq il-midja soċjali li ukoll 12-il siegħa wara kellha ssir din l-attività.

Iżda l-partit li tant jiftaħar li jagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ, u li huma fuq quddiem fil-ħidma tiegħu – ħassar din l-attività, li fuq kollox kienet parti mill-Kungress.