Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed ittella’ Shema – Lejl Imdawwal mill-Ewkaristija, nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju 2026, bejn is-7.00pm u 12.00am. L-isem ta’ din l-attività hu meħud mill-kelma Lhudija Shema, “Isma’, Iżrael”, l-ewwel kelma tat-talba biblika li kull Lhudi kien jitlob ta’ kuljum (Dewt 6:4-5).
Din l-attività li qed titella’ wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni f’Mejju 2023, se tkun tikkonsisti f’aktar minn 20 attrazzjoni b’xejn fil-qalba tal-Belt Victoria, li b’xi mod kollha sa jkollhom rabta mal-Misteru tal-Ewkaristija, li hu fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja, u li d-Djoċesi ta’ Għawdex matul dawn is-snin qed tixħet aktar attenzjoni fuqu permezz tal-Pjanijiet Pastorali tagħha.
Dan il-lejl tat-2 ta’ Mejju, b’bixra ta’ notte bianca b’togħma Nisranija, se jinkludi bosta attivitajiet li jvarjaw minn wirja li toffri lil min iżurha esperjenza ħajja, għal kunċerti mużikali, għal esebizzjonijiet fil-beraħ minn artisti lokali, għal bejgħ ta’ ikel b’tema biblika, għal mixegħliet b’tema Ewkaristika, kif ukoll attivitajiet immirati għat-tfal. Għal dan il-għan se jintużaw kemm knejjes u binjiet pubbliċi, u kemm pjazez u toroq fil-qalba tal-belt ewlenija tal-gżira Għawdxija, fejn il-pubbliku, bl-għajnuna ta’ mappa, ikun jista’ jdur minn attrazzjoni għall-oħra u jitgħallem dwar l-Ewkaristija.
Shema – Lejl Imdawwal mill-Ewkaristija se jsir bl-involviment kemm ta’ komunitajiet u gruppi fil-Knisja f’Għawdex, u kemm ta’ artisti individwali, bl-għan li barra l-messaġġ prinċipali reliġjuż jippromovi wkoll il-kultura u t-tradizzjonijiet lokali.
Fost dawn hemm is-sopran Dorothy Baldacchino, l-arpista Jacob Portelli, il-vjolinista Pierre Louis Attard, il-kantanta Hannah Theuma, il-koreografa taż-żfin Deborah Agius, il-Beta Entertainment Theatre Academy (dir. Jamie Camilleri), is-Seguna Folk Group (dir. Michael Curmi), u l-Assoċjazzjoni Maltija EspressjonArti Għarb.
Fit-toroq ħelwin tal-qalba tal-belt l-antika ta’ Għawdex, f’temp ta’ ftit sigħat wieħed se jkun jista’ jgawdi l-ilħna tal-Korijiet tat-tfal Madonna tas-Sokkors (Ta’ Kerċem), Fjur tal-Martri Margerita (Ta’ Sannat), Ulied il-Battista (ix-Xewkija), Virgo Children’s Choir (Għajnsielem), u Aurora Youth Choir (il-Belt Victoria), kif ukoll dawk tal-Kor Levita Laurentius (San Lawrenz) u fl-aħħar iżda mhux l-inqas tal-Kor Djoċesan (dir. Dorienne Portelli) li se jtella’ kunċert fuq il-palk prinċipali fi Pjazza Indipendenza, segwit mill-kunċert finali mill-Gozo Youth Orchestra (dir. Mro Dr Joseph Grech).
Tirritorna wkoll id-diskussjoni ħajja bis-sehem ta’ panel apposta u l-pubbliku, din id-darba dwar l-attwalità tal-quddiesa, immoderata minn Fabian Demicoli.
Qabel jiftaħ il-programm kollu, fil-Bitħa tal-Kurja Veskovili fi Triq ir-Repubblika, is-Sibt fl-10.00am il-pubbliku hu mistieden għal taħdita dwar l-Ambjenti Liturġiċi Primittivi fl-Art Imqaddsa minn Dr Dennis Mizzi (mid-Dipartiment tal-Istudji Orjentali tal-Università ta’ Malta), waqt li fl-istess post, filgħaxija, diversi qarrejja ta’ esperjenza jkunu jaqraw siltiet dwar l-Ewkaristija meħuda mill-Iskrittura u mit-Tradizzjoni tal-Knisja.
Attrazzjoni unika oħra se tkun il-Wirja interattiva dwar l-istorja u l-iżvilupp tal-Ewkaristija fis-sotterran tal-istess Kurja tal-Isqof, li tibqa’ wkoll miftuħa fil-ġimgħat ta’ wara, kif ukoll il-mixegħliet b’tema Ewkaristika fi Triq ir-Repubblika.
Il-Mużew tal-Katidral ta’ Għawdex, b’kollezzjoni unika ta’ teżori artistiċi, għal din il-lejla speċjali se jkun miftuħ b’xejn.
Shema – Lejl Imdawwal mill-Ewkaristija qed tittella’ b’għajnuna finanzjarja minn APS Bank.
//= $special ?>

