Lokali

Tammy Caruana kienet għamlet google search biex tiskopri “what is 15% of 1,000”

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tammy Caruana li tinsab akkużata li frodat mal-200 persuna, ħareġ ċar kif din it-tfajla ta’ 25 sena kienet irrifjutat li tagħti l-passwords tal-apparat elettroniku li ġie elevat waqt it-tfittxija tal-Pulizija.

Minkejja dan, l-uffiċjali tas-cybercrime rnexxielhom jaċċessaw d-data kollha.

Fuq l-iPhone tal-imputata, l-Pulizija qalu li sabu aċċess għall-app Exodus.

L-analiżi wriet li f’dawn l-accounts daħlu ammonti li jvarjaw bejn €12,000 u aktar minn €82,000. L-investigaturi sabu wkoll evidenza ta’ kif kienet issir il-frodi.

Mill-investigazzjoni rriżulta li t-tfajla kienet tqarraq anke b’ommha stess – għaliex filwaqt li lil terzi persuni kienet tgħidilhom li taħdem self-employed bejn it-8:30am u s-1pm u taqla’ bejn €2,000 u €3,000 fix-xahar billi tħaddem flus crytpto tan-nies, lil ommha qaltilha li qed taħdem f’call centre mid-dar u li kienet qed taqla’ madwar €5,000 fix-xahar.

Fil-Qorti ntwera filmat li juri komunikazzjoni fuq Telegram dwar frodi li kienet qed isseħħ f’dak il-ħin stess fit-Turkija. Fil-filmat, persuna tinstema’ tgħid il-kelma “done” – konferma li t-tranżazzjoni frawdulenti kienet għaddiet b’suċċess.

Is-Surġent Jonathan Ferris spjega li saru tfittxijiet fuq google bħal “What is 15% of 1000” – li jindika li t-tfajla riedet tagħmel il-kalkolu tal-persentaġġ mill-frodi.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-Bank of Valletta deher il-Professur Stefano Filetti. Għall-Banif dehret l-avukat Maria Lisa Buttiġieġ.

Għall-akkużati dehru l-Avukat Roberto Spiteri u Franco Galea.