Internazzjonali

Trump jindika li l-gwerra fl-Iran dalwaqt tispiċċa

F’intervista li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump għamel mal-istazzjon Fox huwa allega li l-gwerra fl-Iran dalwaqt tispiċċa hekk kif jinsab kommess li jintlaħaq ftehim għal tmiem din il-gwerra.

Apparti minn hekk, Trump qal ukoll li jinsab ċert li l-Iran huma ddisprati li jintlaħaq ftehim għaliex jekk din il-gwerra tkompli għaddejja għandhom tal-inqas għoxrin sena biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

Fi żviluppi oħra, għal darb’oħra Donald Trump attakka lill-Papa Ljun XIV kif ukoll lin-NATO permezz ta’ post fuq Truth Social hekk kif qal biex xi ħadd jgħid lill-Papa li huwa inaċċettabbli li l-Iran ikollu bomba nukleari speċjalment meta skontu l-Iran qatel mat-42,000 attivist fl-aħħar xahrejn. F’post oħra ndirizzata lin-NATO, Donald Trump qal li din l-għaqda qatt kienet hemm għall-Amerika u mhux se tkun hemm għalihom fil-futur.

Minn naħa l-oħra, matul il-lejl li għadda Hezbollah attakkat lil Iżrael permezz ta’ 20 rocket bl-awtoritajiet Iżraeljani jgħidu li jrnexxilhom jinterċettaw madwar tmienja. Intqal ukoll li fortunatament l-ebda persuni ma tilfu ħajjithom f’dawn l-attakki.