Il-Koalizzjoni għal Għawdex tinnota bi tħassib iż-żebgħa reċenti ħamra tal-entratura tal-Victoria Lyceum. Il-kanupew li joħroġ ’il barra, il-pilotis (kolonni) u l-faċċata kienu maħsuba bħala ħaġa waħda koerenti, ibbażata fuq il-proporzjon, ir-ritmu, u l-logħob sottili tad-dawl u d-dell. Ritratti mis-sittinijiet ’l hawn juru b’mod konsistenti l-binja, iddisinjata mill-perit Malti Joseph G. Huntingford (1926-1994), bħala kompożizzjoni bajda u magħquda.
L-abjad ma kienx aċċidentali. Kien parti integrali mil-lingwaġġ arkitettoniku tal-binja. Peress li l-periti tal-modernità kienu jfittxu l-purità tal-forma, huwa loġiku li l-immaġni tal-arkitettura moderna fil-kollettiv kważi inevitabbilment tiġi mfissra bl-abjad. Meħlusa minn dekorazzjonijiet superfluwi, l-arkitettura moderna bdiet tkun marbuta mal-użu predominanti ta’ uċuħ bojod sabiex tenfasizza l-kompożizzjoni volumetrika.
Studju ta’ ritratti mifruxa fuq aktar minn sitt deċennji ma turi ebda każ fejn il-kanupew jidher bl-aħmar. Din l-evidinza viżiva tistħoqilha tiġi studjata sew. Intqal li, waqt ix-xogħlijiet reċenti, instabu traċċi ta’ aħmar taħt saffi ta’ żebgħa bajda iktar riċċenti. Għalkemm dan huwa ta’ interess, fih innifsu ma jipprovax li l-kulur aħmar kien maħsub biex jikkostitwixxi l-kisja viżibbli finali. Huwa daqstant ieħor possibbli li dak is-saff kien jagħmel parti minn trattament preparatorju aktar bikri, bħal primer jew undercoat li kien ikopri l-kanupew tal-konkos. Fin-nuqqas ta’ evidenza fotografika jew dokumentarja li turi l-isporġenza tal-entratura bl-aħmar, din il-possibbiltà ma tistax tiġi injorata.
Mill-evidenza fotografika jidher ċar li Huntingford kien oriġinarjament ħaseb biex l-kanupew flimkien mal-pilotis (kolonni) ikunu bl-abjad. Fi stadju aktar tard, jidher li t-tarf ta’ quddiem kien inżebgħa bl-aħmar. Minkejja, anki dan kien oriġinarjament abjad u kien jifforma parti mill-kompożizzjoni arkitettonika magħquda tal-binja.
Lanqas ma kienet karatteristika iżolata fix-xogħol ta’ Huntingford. L-istess applikazzjoni mrażżna ta’ pilotis (kolonni) mogħtija bl-abjad tidher fl-aktar xogħol ewlieni tiegħu, l-Iskola Primarja tal-Qala, kif ukoll fl-iskejjel primarji l-oħra tiegħu ta’ Għajnsielem, l-Għarb, San Lawrenz, ix-Xagħra, iż-Żebbuġ u s-Sannat. Il-Lyceum u l-Iskola Teknika fir-Rabat ma kinux eċċezzjoni, u huwa żamm l-istess idjoma modernista fejn l-abjad kien predominanti. Għandhom ukoll jiġu miżbugħa bl-aħmar id-daħliet tal-iskejjel l-oħra kollha?
Il-konsistenza ta’ dan il-lingwaġġ modernist bajdani jagħmel l-applikazzjoni tat-trattament aħmar jidher stramb u inkompatibbli mal-intenzjonijiet oriġinali ta’ Huntingford. Daħla miżbugħa bl-aħmar tista’ tikkontribwixxi għall-ansjetà, peress li tista’ żżid l-istat ta’ tqanqil u tinqara bħala sinjal ta’ twissija jew theddida.
Din mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ gost. Hija kwistjoni ta’ rispett lejn il-perit u lejn prinċipji sodi ta’ konservazzjoni. L-awtentiċità trid tistrieħ fuq l-evidenza.
L-aħbar it-tajba hija li din l-evalwazzjoni żbaljata tista’ tiġi riveduta faċilment. Ir-restawr tal-kanupew għar-rendiment abjad kif dokumentat jerġa’ minnufih jistabbilixxi ċ-ċarezza u l-leġibbiltà tad-disinn oriġinali ta’ Huntingford. Wieħed jittama li, qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Mużew ta’ Għawdex, tingħata konsiderazzjoni serja lil din il-kwistjoni.
Meta ġie mistieden jagħti l-kumment tiegħu dwar il-każ, il-Professur Perit Richard England u Dekan tal-Fakultà tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta bejn l-1987 u l-1989, osserva hekk:
“Xi punti li jenfasizzaw il-ħtieġa li l-entrata tal-binja tal-Gozo Lyceum ta’ Huntingford iżommu l-kulur abjad oriġinali tagħhom:
- Huntingford uża speċifikament l-abjad biex jenfasizza l-ġeometrija pura tal-forom tiegħu u biex joħloq żfin interessanti u koreografiku ta’ dawl u dell.
- Fuq wiċċ abjad, id-dawl ikun ta’ sfumaturi bajdanija u d-dellijiet suwed, rifless brillanti tal-luminożità Mediterranja.
- L-abjad jenfasizza l-purità tal-forma tal-kunċett arkitettoniku, kulur safi fuq forma safja.
- L-aħħar tas-snin ħamsin kien il-perjodu tal-Moderniżmu maħsub li kien jippromwovi binjiet puri bojod.
- Il-pilotis u l-kanupew bojod tal-portiku ta’ Huntingford jitilfu l-logħob ta’ dawl u dell tagħhom jekk jingħataw toni kromatiċi, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-użu tal-abjad minnu kien element identitarju ewlieni tal-iskejjel kollha tiegħu f’Għawdex.
- Il-binjiet ta’ Huntingford f’Għawdex ta’ dak iż-żmien kienu influwenzati ħafna mill-binjiet modernisti internazzjonali bojod ta’ dak il-perjodu, kif ukoll mill-vilel bojod bikrin tal-perit Le Corbusier u mill-forom tal-konkos tal-belt ta’ Brasília ta’ Oscar Niemeyer lejn l-aħħar tas-snin ħamsin, flimkien mall-sfumaturi bojod tagħhom.
- Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-binjiet bojod ta’ Huntingford ippreċedew ix-xogħol aktar tard fis-sittinijiet tal-ħames periti ta’ New York magħrufa bħala ‘The Whites’.
Dan kollu jenfasizza l-importanza li jiġi rrispettat il-kunċett oriġinali tal-perit.”
Professur Richard England
Maħsuba oriġinarjament bħala d-daħla ta’ skola u issa adattata bħala mużew, din għandha tibqa’ bajda, sabiex tkompli tesprimi l-unità arkitettonika u sens ta’ merħba, aktar milli l-lingwa viżiva ta’ twissija u ta’ tbegħid.
//= $special ?>

