Raġel ta’ 28 sena mill-Marsa ammetta li hu ħati li ta’ fastidju u pprova jidħol fid-dar tal-eks sieħba tiegħu wara li r-relazzjoni taghħom spiċċat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-vittma u l-akkużat kienu ilhom joħorġu flimkien għal sena u nofs, meta r-relazzjoni waslet għal tmiemha madwar għaxart ijiem ilu. Għalkemm il-vittma kienet għamlitha ċara li ma riditx ebda forma ta’ kuntatt mal-akkużat, huwa bagħatilha numru ta’ messaġġi u telefonati b’mod persistenti.
Is-sitwazzjoni eskalat meta l-akkużat mar fejn kienet tgħix u pprova jidħol bil-forza fid-dar tagħha.
Meta l-vittma marret tagħmel rapport lill-pulizija, irċieviet telefonata mill-akkużat u hu qalilha, “Jekk m’intix tiegħi, m’intix ta’ ħadd”.
Ftit wara li sar ir-rapport, l-akkużat ġie arrestat, u ġie rrappurtat li dan kkoopera mal-awtoritajiet u ma rreżistiex l-arrest.
L-akkużat ammetta li kien ħati għal-akkużi kollha miġjuba kontrih u ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sena. Ġie ordnat ukoll biex iħallas multa ta’ €800.
Il-każ ġie ippresedut mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, filwaqt li Franco Debono u Adreana Zammit dehru għad-difiża.
//= $special ?>

