Erba’ persuni tressqu quddiem il-qorti nhar il-Ħamis, mixlija b’diversi reati relatati mad-droga, inkluż traffikar, pussess u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, wara operazzjoni li saret mill-pulizija f’Manikata.
L-akkużati – Alessia Di Pasquale, Teodor Laurentiu Barbulescu, Alexandru Marian Basa u Florin Serbanescu – ittellgħu taħt arrestat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace.
Huma allegatament kienu involuti fil-pussess u t-traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga, inkluż kokaina, kannabis, ecstasy, ketamina u LSD, f’ċirkostanzi li jindikaw li dawn is-sustanzi ma kinux għall-użu personali tagħhom.
Il-prosekuzzjoni qed tallega wkoll li huma kienu assoċjati flimkien u possibbilment ma’ persuni oħra, biex jipprovdu u jqassmu d-droga kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Fost l-akkużi kollha, hemm il-kultivazzjoni ta’ pjanti tal-kannabis, il-pussess ta’ raża tal-kannabis u t-traffikar ta’ sustanzi psikotropiċi mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.
L-akkużati qed jaffaċċjaw ukoll akkużi relatati ma’ kriminalità organizzata, fejn il-prosekuzzjoni qed issostni li huma kienu parti minn, jew ipparteċipaw attivament fi, organizzazzjoni kriminali li saret biex twettaq reati li jġorru piena ta’ priġunerija.
L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u l-erba’ akkużati nżammu taħt kustodja.
Matul il-proċeduri, id-difiża ta’ Alessia Di Pasquale indikat li għalkemm ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest immedjatament, se titressaq fil-jiem li ġejjin. Il-qorti ntalbet ukoll tqis il-kundizzjoni medika tagħha, inkluż il-fatt li hi tqila u tbati mid-dijabete, u mistennija twelled madwar ħames ġimgħat oħra.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Mark Mercieca flimkien mal-avukat Julian Scicluna f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukati Jason Azzopardi, Alessandro Farrugia, Kris Busietta u Mark Mifsud Cutajar dehru għall-akkużati.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

