Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jkollu Ministeru ddedikat għall-ħarsien tal-annimali – PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jindirizza l-ewwel konferenza nazzjonali dwar l-annimali – jgħid li l-annimali għandu jkollhom vuċi u li hemm bżonn riforma sħiħa f’dan il-qasam waqt li jressaq numru ta’ proposti

Illum il-ġurnata l-annimali huma membri tal-familji tagħna u għalhekk, għall-Partit Nazzjonalista, il-ħarsien tagħhom huwa ta’ importanza daqs kwalunkwe membru ieħor tal-familja. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkollu Ministeru ddedikat għall-annimali u l-ħarsien tagħhom, għax l-annimali għandu jkollhom vuċi.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta indirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Annimali 2026 li saret illum fir-Riserva Naturali tas-Salina bit-tema “From Welfare to Protection”.

Matul din l-ewwel konferenza nazzjonali dwar dan il-qasam – li kienet organizzata mill-NGO Vuċi għall-Annimali – saru wkoll diversi interventi oħra u anke panel discussions li fihom ħadu sehem fost l-oħrajn ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali Janice Abela Chetcuti u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali l-veterinarju Andrew Agius.

Alex Borg qal li hemm bżonn riforma sħiħa fil-qasam tal-animal welfare f’pajjiżna, fejn jidher ċar li s-sistema kif inhi mhix taħdem u f’dan il-qasam, dan il-Gvern falla. Pajjiżna jinħtieġ sistema fejn il-liġijiet jiġu infurzati, issir ġustizzja mal-annimali u d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkun verament gwardjan tal-annimali. Illum dan id-Direttorat hu mifni b’nuqqas ta’ riżorsi umani, nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni u nies kwalifikati, u nuqqas ta’ esperjenza.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-PN ressaq sensiela ta’ proposti u esprima l-qbil tal-Oppożizzjoni ma’ miżuri oħra li qed jiġu proposti fid-dokument li tressaq quddiem il-konferenza:

·          Id-Direttorat tal-Animal Welfare jingħata l-funzjoni ta’ regolatur effettiv ta’ dan il-qasam, u ma jibqax aktar l-operatur fl-istess ħin li jipprova wkoll jagħmilha ta’ regolatur;

·          Bl-għajnuna finanzjarja mill-gvern, ikunu l-NGOs f’dan il-qasam li bl-esperjenza u l-għarfien tagħhom jagħmlu x-xogħol li suppost qed jagħmel illum id-Direttorat biex minflok, dan jiffoka esklussivament fuq ir-regolamentazzjoni;

·          Min-naħa tiegħu, il-gvern ma jibqax jabdika mir-responsabbilitajiet tiegħu u jiżgura li l-Istat jiffoka biex jindirizza l-problemi eżistenti permezz ta’ liġijiet effettivi u infurzar kif suppost;

·          L-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali għandu jkun awtonomu, minflok jiġi ppoliticizzat, b’poteri li jinvestiga verament mingħajr il-biża’ li s-sena ta’ wara l-Kummissarju jitneħħa jew titneħħa.

Alex Borg qal li ma għandniex bżonn naħlu aktar ħin fuq strateġiji, għax il-pajjiż diġà għandu ammont kbir ta’ għaqdiet bl-esperjenza u l-għarfien kollu meħtieġ f’dan il-qasam biex verament issir bidla effettiva.

Il-Kap tal-PN fakkar fit-track record pożittiv tal-PN f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn kien Gvern Nazzjonalista li welled id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kif kien il-Partit Nazzjonalista fil-gvern li 15-il sena ilu fetaħ iċ-Ċentru San Franġisk – l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali li llum ilu aktar minn 27 xahar magħluq.

“Kemm se ndumu nistennew aktar biex ikollna sptar tal-annimali jiffunzjona kif suppost f’pajjiżna?” staqsa Alex Borg, waqt li kompla jgħid li wasal il-mument li nħarsu ’l quddiem u nsibu t-tweġibiet u s-soluzzjonijiet.

Filwaqt li rrefera għal diversi każi li seħħew fl-aħħar xhur, fosthom il-każ ta’ kelb li tħalla abbandunat f’nofs ta’ triq u nġabar minn xi ħadd li pprovdielu kenn temporanju u anke l-każ ta’ annimali eżotiċi li nstabu f’sitwazzjonijiet ta’ abbuż u moħqrija, il-Kap tal-PN enfasizza fuq il-ħtieġa tal-infurzar tal-liġijiet u l-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet fost l-oħrajn dwar il-postijiet fejn ħlejjaq bħal dawn jingħataw kenn.

Semma wkoll l-introduzzjoni tal-hekk imsejħa Positive List, jew White List, u qal li l-introduzzjoni ta’ lista bħal din li tistabbilixxi liema speċi jistgħu jiddaħħlu u jinżammu f’Malta bħala pets tnaqqas l-abbuż u tagħmilha aktar faċli li nassiguraw il-ħarsien u l-benesseri tal-annimali.

Filwaqt li faħħar il-fatt li l-kors ta’ veterinarju beda jingħata f’pajjiżna bħala pass pożittiv, il-Kap tal-PN qal li spiċċa ż-żmien ta’ konsultazzjoni wara l-oħra li ma jwasslu mkien, u staqsa x’jiswa li ndaħħlu liġijiet ġodda jekk m’aħniex qed ninfurzaw dawk eżistenti – fosthom tal-micro-chipping u l-liġijiet li jirregolaw il-boarding homes, il-grooming, il-breeding.

Alex Borg temm jgħid li għall-PN l-annimali u l-benesseri tagħhom huma importanti – kif inhi importanti l-ħidma ta’ tant voluntieri u għaqdiet li jaħdmu, jagħtu ħinhom u l-enerġija kollha tagħhom f’dan il-qasam.